EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1192

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1192 tal-24 ta’ April 2024 dwar deroga temporanja mogħtija lill-Belġju, lil Franza u lin-Netherlands mill-kundizzjonijiet tal-marketing tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE għaż-żerriegħa tal-kittien iċċertifikata (notifikata bid-dokument C(2024) 2563)

C/2024/2563

ĠU L, 2024/1192, 26.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1192/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1192/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1192

26.4.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1192

tal-24 ta’ April 2024

dwar deroga temporanja mogħtija lill-Belġju, lil Franza u lin-Netherlands mill-kundizzjonijiet tal-marketing tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE għaż-żerriegħa tal-kittien iċċertifikata

(notifikata bid-dokument C(2024) 2563)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/57/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-marketing fl-Unjoni taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra. F’konformità mal-Artikolu 2(1), il-punt (i), ta’ dik id-Direttiva, iż-żerriegħa ċċertifikata tal-kittien hija permessa li tiġi prodotta sat-tielet ġenerazzjoni minn żerriegħa ċċertifikata u trid tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II ta’ dik id-Direttiva għaż-żerriegħa ċċertifikata, inklużi l-kundizzjonijiet rispettivi għall-ispezzjonijiet fl-għelieqi li jikkonċernaw l-identità varjetali tagħha.

(2)

Minħabba mewġiet ta’ sħana, nixfa u xita limitata matul il-perjodu tat-tkabbir kien hemm kundizzjonijiet diffiċli ta’ tkabbir għall-kittien f’dawn l-aħħar snin li wasslu għal nuqqas serju ta’ żerriegħa tal-kittien fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands.

(3)

Minħabba f’hekk, il-Belġju, Franza u n-Netherlands għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ammonti limitati biss ta’ żerriegħa tal-kittien, li mhumiex biżżejjed f’termini ta’ kwantitajiet meħtieġa għaż-żrigħ.

(4)

Mill-informazzjoni li mogħtija lill-Kummissjoni, jidher li b’kollox hija meħtieġa kwantità ta’ 1 500 tunnellata għall-Belġju, 1 500 tunnellata għal Franza u 270 tunnellata għan-Netherlands ta’ żerriegħa tal-kittien biex jissolvew id-diffikultajiet fil-provvista għall-perjodu sat-30 ta’ Ġunju 2024. L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni turi wkoll li, b’kollox, kwantità ta’ 500 tunnellata għall-Belġju, 4 000 tunnellata għal Franza u 400 tunnellata għan-Netherlands għall-produzzjoni taż-żerriegħa tal-kittien hija meħtieġa biex issolvi dawn id-diffikultajiet fil-provvista għal perjodu ieħor sat-30 ta’ Ġunju 2025.

(5)

Stati Membri oħra ma jistgħux ikopru l-ħtiġijiet rispettivi tal-Belġju, ta’ Franza u tan-Netherlands.

(6)

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, kien hemm xi diffikultajiet temporanji fil-provvista ġenerali taż-żerriegħa ċċertifikata tal-kittien u dawn huma mistennija li jkomplu fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands. Dawn id-diffikultajiet ma jistgħux jingħelbu ħlief billi jiġi permess, għal perjodu speċifikat u soġġett għal kwantità massima xierqa meħtieġa biex jiġu solvuti d-diffikultajiet fil-provvista, il-marketing fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata tal-kittien prodotta fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands mill-kategorija ta’ żerriegħa ċċertifikata tat-tielet ġenerazzjoni li tissodisfa rekwiżiti inqas stretti minn dawk tad-Direttiva 2002/57/KE.

(7)

Kif mitlub minn dawk l-Istati Membri, id-derogi mir-rekwiżiti applikabbli jikkonċernaw, minn naħa waħda, l-għadd ta’ ġenerazzjonijiet permessi li jenħtieġ li jaqbżu t-tielet waħda, u, min-naħa l-oħra, addizzjonalment, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ spezzjoni fl-għelieqi qabel iċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa.

(8)

Għalhekk, huwa xieraq li l-Istati Membri jippermettu l-marketing fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata tal-kittien, prodotta fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands minn ġenerazzjoni prodotta wara t-tielet ġenerazzjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata għal perjodu speċifikat.

(9)

Kif mitlub minn dawk l-Istati Membri, id-derogi mir-rekwiżiti applikabbli jikkonċernaw ukoll in-nuqqas ta’ twettiq ta’ spezzjoni fl-għelieqi qabel iċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa. Huwa għalhekk xieraq li jiġi awtorizzat il-marketing taż-żerriegħa ċċertifikata tal-kittien prodotta f’dawk l-Istati Membri ta’ żerriegħa ċċertifikata ta’ ġenerazzjoni prodotta wara t-tielet ġenerazzjoni, mingħajr it-twettiq minn qabel ta’ spezzjonijiet fl-għelieqi.

(10)

Għal raġunijiet ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ effettiv ta’ din id-deroga, huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti tal-Belġju, ta’ Franza u tan-Netherlands jiskambjaw informazzjoni bejniethom, u jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni, dwar l-ammonti ta’ żerriegħa tal-kittien soġġetti għad-derogi u l-operaturi kkonċernati.

(11)

Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv ta’ dik id-deroga, il-Belġju, Franza u n-Netherlands jenħtieġ li jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kwantitajiet li għalihom taw l-awtorizzazzjoni għall-marketing skont din id-Deċiżjoni.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni għall-marketing ta’ żerriegħa ċċertifikata li ma ġietx spezzjonata fl-għelieqi rigward l-identità varjetali tagħha

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2024, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-marketing fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata tal-kittien prodotta fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands minn żerriegħa tal-kategorija “żerriegħa ċċertifikata, it-tielet ġenerazzjoni”, u li ma ġietx spezzjonata fl-għelieqi rigward l-identità varjetali tagħha soġġetta għall-Artikoli 3 sa 5.

2.   Il-kwantità totali taż-żerriegħa msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż dan li ġej:

(a)

1 500 tunnellata għall-produzzjoni fil-Belġju;

(b)

1 500 tunnellata għall-produzzjoni fi Franza;

(c)

270 tunnellata għall-produzzjoni fin-Netherlands.

Artikolu 2

Awtorizzazzjoni għall-marketing ta’ żerriegħa ċċertifikata ta’ ġenerazzjoni wara t-tielet ġenerazzjoni

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2025, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-marketing fl-Unjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata prodotta fil-Belġju, fi Franza u fin-Netherlands minn żerriegħa tal-kategorija “żerriegħa ċċertifikata, it-tielet ġenerazzjoni”, soġġetta għall-paragrafu 2 u l-Artikoli 3 sa 5.

2.   Il-kwantità totali taż-żerriegħa msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż dan li ġej:

(a)

500 tunnellata għall-produzzjoni fil-Belġju;

(b)

4 000 tunnellata għall-produzzjoni fi Franza;

(c)

400 tunnellata għall-produzzjoni fin-Netherlands.

Artikolu 3

Rekwiżiti tat-tikkettar

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fid-Direttiva 2002/57/KE, it-tikketta uffiċjali għandu jkun fiha dan li ġej:

(a)

fil-każ taż-żerriegħa msemmija fl-Artikolu 1, id-dikjarazzjoni li dik iż-żerriegħa ma ġietx spezzjonata fl-għelieqi rigward l-identità varjetali tagħha;

(b)

fil-każ taż-żerriegħa msemmija fl-Artikolu 2, id-dikjarazzjoni li dik iż-żerriegħa hija ta’ ġenerazzjoni aktar baxxa mit-tielet ġenerazzjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata.

Artikolu 4

Skambju ta’ informazzjoni dwar il-kwantitajiet awtorizzati

L-awtoritajiet kompetenti tal-Belġju, ta’ Franza u tan-Netherlands għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-operaturi li jagħmlu użu minn dawn id-derogi u l-operaturi li lilhom tkun ġiet ikkummerċjalizzata dik iż-żerriegħa.

Artikolu 5

Notifika tal-kwantitajiet awtorizzati

Il-Belġju, Franza u n-Netherlands għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kwantitajiet li għalihom taw l-awtorizzazzjoni għall-marketing skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/57/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1192/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top