European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1166

26.4.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/1166 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta’ Frar 2024

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija

(BĊE/2020/17) (BĊE/2024/7)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu joperaw fis-swieq finanzjarji billi, fost affarijiet oħra, jixtru u jbiegħu strumenti negozjabbli b’mod definittiv, sabiex jilħqu l-għanijiet tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.

(2)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi u finanzjarji eċċezzjonali assoċjati mat-tixrid tal-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19), fit-18 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi programm temporanju ġdid ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (minn hawn ’il quddiem il- “PEPP”) li jinkludi l-kategoriji kollha ta’ assi eliġibbli taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tal-BĊE, li jikkonsisti fil-programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku tas-swieq sekondarji, it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds koperti, il-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti b’assi, u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv. Fuq il-bażi ta’ ċerti kunsiderazzjonijiet u valutazzjonijiet, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li t-titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika jenħtieġ li jkunu eliġibbli għal xiri taħt il-PEPP, minkejja l-fatt li dak iż-żmien ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema.

(3)

Fit-8 ta’ Settembru 2023 il-klassifikazzjoni tal-emittent tar-Repubblika Ellenika ġiet aġġornata għall-iskala 3 tal-kwalità tal-kreditu fl-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema. Bħala riżultat ta’ dak it-titjib, titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika saru konformi mar-rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema. Għalhekk, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/17) (1) li tneħħi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/188 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/9) (2) u li tagħmel it-titoli ta’ dejn negozjabbli denominati f’euro maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika eliġibbli għal xiri taħt il-PEPP, m’għadux jgħodd u għandu jitneħħa mid-Deċiżjoni (UE) 2020/440 (BĊE/2020/17).

(4)

Il-Linja Gwida BĊE/2014/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3) hija emendata wkoll biex tqis l-aġġornament tal-klassifikazzjoni tal-emittent tar-Repubblika Ellenika, fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli denominati f’euro maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika bħala kollateral eliġibbli. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-istess data bħad-data minn meta tali emendi għal-Linja Gwida BĊE/2014/31 japplikaw.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 (BĊE/2020/17) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/440 (BĊE/2020/17) huwa mħassar.

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2024.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-8 ta’ Frar 2024.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2020 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17) (ĠU L 91, 25.3.2020, p. 1).

(2)  Deċiżjoni (UE) 2020/188 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Frar 2020 dwar programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji (BĊE/2020/9) (ĠU L 39, 12.2.2020, p. 12).

(3)  Linja Gwida BĊE/2014/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1166/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)