European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1083

17.4.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1083 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ April 2024

li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Is-servizzi tal-media indipendenti jaqdu rwol uniku fis-suq intern. Dawn jirrappreżentaw settur li qed jinbidel malajr u ekonomikament importanti u fl-istess ħin jipprovdu aċċess għal pluralità ta’ fehmiet u għal sorsi affidabbli ta’ informazzjoni liċ-ċittadini daqskemm lin-negozji, u b’hekk jaqdu l-funzjoni ta’ interess ġenerali ta’ “gwardjan pubbliku” u huma fattur indispensabbli fil-proċess tal-formazzjoni ta’ opinjoni pubblika. Is-servizzi tal-media qed isiru dejjem aktar disponibbli online u fuq livell transfruntier iżda mhumiex soġġetti għall-istess regoli u livell ta’ protezzjoni fl-Istati Membri differenti. Filwaqt li xi kwistjonijiet relatati mas-settur tal-media awdjoviżiva ġew armonizzati fil-livell tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwistjonijiet koperti minn dik id-Direttiva huma limitati. Barra minn hekk, is-setturi tar-radju u tal-istampa mhumiex koperti minn dik id-Direttiva, minkejja r-rilevanza transfruntiera dejjem akbar tagħhom fis-suq intern.

(2)

Minħabba r-rwol uniku tas-servizzi tal-media, il-protezzjoni tal-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media bħala tnejn miż-żewġ pilastri ewlenin tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt tirrappreżenta karatteristika essenzjali ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb tas-servizzi tal-media. Dak is-suq, inkluż is-servizzi tal-media awdjoviżiva, ir-radju u l-istampa, inbidel sostanzjalment tul is-seklu 21, u sar dejjem aktar diġitali u internazzjonali. Qed jiftaħ bosta opportunitajiet ekonomiċi, iżda qed iġarrab ukoll għadd ta’ sfidi. Jenħtieġ li l-Unjoni tgħin lis-settur tal-media sabiex ikun jista’ jaħtaf dawk l-opportunitajiet fis-suq intern, u fl-istess ħin tħares il-valuri li huma komuni għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha, bħall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

(3)

Fl-ispazju tal-media diġitali, iċ-ċittadini u n-negozji qed jaċċessaw u jikkunsmaw kontenut u servizzi tal-media, li huma disponibbli minnufih fuq l-apparati personali tagħhom, f’kuntest dejjem iktar transfruntier. Dan huwa l-każ għas-servizzi tal-media awdjoviżiva, għar-radju u għall-istampa, li huma faċilment aċċessibbli permezz tal-Internet, pereżempju permezz ta’ podcasts jew portali tal-aħbarijiet online,. Id-disponibbiltà tal-kontenut f’diversi lingwi u l-faċilità li biha tista’ tiġi aċċessata faċli permezz ta’ apparati intelliġenti, bħal smartphones jew tablets, iżidu r-rilevanza transfruntiera tas-servizzi tal-media, kif stabbilita f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (5) (il-“Qorti tal-Ġustizzja”). Dik ir-rilevanza hija mirfuda mill-użu u l-aċċettazzjoni dejjem akbar ta’ għodod ta’ traduzzjoni jew ta’ sottotitoli awtomatiċi li jnaqqsu l-ostakli lingwistiċi fis-suq intern u l-konverġenza tat-tipi differenti ta’ media, li jgħaqqdu kontenut awdjoviżiv u mhux awdjoviżiv fl-istess offerta.

(4)

Madankollu, is-suq intern għas-servizzi tal-media mhuwiex integrat biżżejjed u jbati minn għadd ta’ fallimenti tas-suq li żdiedu minħabba d-diġitalizzazzjoni. L-ewwel nett, il-pjattaformi online dinjin qed ikunu gateways għall-kontenut tal-media, b’mudelli kummerċjali li għandhom tendenza jeliminaw l-intermedjarji fl-aċċess għas-servizzi tal-media u jamplifikaw il-kontenut polarizzanti u d-diżinformazzjoni. Dawk il-pjattaformi huma wkoll fornituri essenzjali tar-reklamar online, li ddevja r-riżorsi finanzjarji mis-settur tal-media, u b’hekk affettwa s-sostenibbiltà finanzjarja tiegħu u, bħala konsegwenza, id-diversità tal-kontenut offrut. Peress li s-servizzi tal-media huma intensivi fl-għarfien u fil-kapital, jenħtieġ li dawn ikunu ta’ ċertu daqs biex jibqgħu kompetittivi, jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-udjenzi tagħhom u jirnexxu fis-suq intern. Għal dak il-għan, il-possibbiltà li jiġu offruti servizzi fuq livell transfruntier u li jinkiseb l-investiment, inkluż minn jew fi Stati Membri oħra, hija partikolarment importanti. It-tieni nett, hemm għadd ta’ restrizzjonijiet nazzjonali li qed ifixklu l-moviment liberu fis-suq intern. B’mod partikolari, hemm regoli u approċċi nazzjonali differenti b’rabta mal-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali, nuqqas ta’ kooperazzjoni biżżejjed bejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali, u allokazzjoni mhux trasparenti u inġusta tar-riżorsi ekonomiċi pubbliċi u privati li jagħmluha diffiċli għall-atturi tas-suq tal-media biex joperaw u jespandu fuq livell transfruntier u joħolqu ambjent mhux uniformi madwar l-Unjoni. It-tielet nett, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi tal-media huwa kompromess mill-fornituri, inkluż dawk ikkontrollati minn ċerti pajjiżi terzi, li sistematikament jinvolvu ruħhom fid-diżinformazzjoni, jew il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza, u jużaw il-libertajiet tas-suq intern għal skopijiet abbużivi, u b’hekk ifixklu l-funzjonament xieraq tad-dinamika tas-suq.

(5)

Il-frammentazzjoni tar-regoli u tal-approċċi li tikkaratterizza s-suq tal-media fl-Unjoni taffettwa b’mod negattiv, fi gradi differenti, il-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern mill-fornituri ta’ servizzi tal-media f’setturi differenti, inkluż is-setturi awdjoviżivi, tar-radju u tal-istampa, u timmina l-kapaċità tagħhom li joperaw b’mod effiċjenti fuq livell transfruntier jew li jistabbilixxu operazzjonijiet fi Stati Membri oħra. Il-miżuri u l-proċeduri nazzjonali jistgħu jwasslu għall-pluraliżmu tal-media fi Stat Membru, iżda d-diverġenza u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-miżuri u l-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri jistgħu jwasslu għal inċertezza legali u kostijiet addizzjonali għall-impriżi tal-media li jixtiequ jidħlu fi swieq ġodda u jistgħu għalhekk iżommuhom milli jibbenefikaw mid-daqs tas-suq intern għas-servizzi tal-media. Barra minn hekk, miżuri nazzjonali diskriminatorji jew protezzjonisti li jaffettwaw l-operat tal-impriżi tal-media jiddiżinċentivaw l-investiment transfruntier fis-settur tal-media u, f’xi każijiet, jistgħu jġiegħlu lill-impriżi tal-media joħorġu minn suq partikolari li jkunu diġà qed joperaw fih. Dawk l-ostakli jaffettwaw impriżi attivi kemm fis-settur tax-xandir, inkluż dak awdjoviżiv u tar-radju, kif ukoll fis-settur tal-istampa. Għalkemm il-frammentazzjoni tas-salvagwardji tal-indipendenza editorjali tikkonċerna s-setturi kollha tal-media, din taffettwa b’mod speċjali s-settur tal-istampa peress li l-approċċi regolatorji jew awtoregolatorji nazzjonali jvarjaw aktar fir-rigward tal-istampa.

(6)

Is-suq intern għas-servizzi tal-media jista’ jiġi affettwat ukoll minn għodod insuffiċjenti għall-kooperazzjoni regolatorja bejn l-awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali. Tali kooperazzjoni hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-atturi tas-suq tal-media, li huma spiss attivi f’setturi differenti tal-media, li jinvolvu ruħhom b’mod sistematiku fid-diżinformazzjoni jew il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza, ma jibbenefikawx mid-daqs tas-suq intern għas-servizzi tal-media. Barra minn hekk, filwaqt li allokazzjoni preġudikata tar-riżorsi ekonomiċi, b’mod partikolari fil-forma ta’ reklamar mill-istat, tintuża biex tissussidja bil-moħbi l-istabbilimenti tal-media fis-setturi kollha tal-media, din għandha t-tendenza li jkollha impatt partikolarment negattiv fuq l-istampa, li ddgħajfet minn livelli dejjem jonqsu ta’ dħul mir-reklamar. L-isfidi li jirriżultaw mit-trasformazzjoni diġitali jnaqqsu wkoll il-kapaċità tal-impriżi fis-setturi kollha tal-media, b’mod partikolari dawk iżgħar fis-setturi tar-radju u tal-istampa, li jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwi mal-pjattaformi online, li għandhom rwol ewlieni fid-distribuzzjoni online tal-kontenut.

(7)

Bħala rispons għall-isfidi tal-pluraliżmu tal-media u tal-libertà tal-media online, xi Stati Membri ħadu miżuri regolatorji u Stati Membri oħra aktarx ser jagħmlu dan. Dan il-fatt jirriskja li jżid id-diverġenza fl-approċċi nazzjonali u r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu fis-suq intern. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu armonizzati ċerti aspetti tar-regoli nazzjonali relatati mal-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali, biex b’hekk jiġu ggarantiti standards għoljin f’dak il-qasam.

(8)

Jenħtieġ li r-riċevituri tas-servizzi tal-media fl-Unjoni, jiġifieri persuni fiżiċi li huma nazzjonali tal-Istati Membri jew li jgawdu d-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni u persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, ikunu jistgħu jgawdu mill-kontenut pluralistiku tal-media prodott f’konformità mal-libertà editorjali fis-suq intern. Dak huwa kruċjali għat-trawwim tad-diskors pubbliku u l-parteċipazzjoni ċivika, peress li firxa wiesgħa ta’ sorsi affidabbli ta’ informazzjoni u ġurnaliżmu ta’ kwalità jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jagħmlu għażliet infurmati, inkluż dwar l-istat tad-demokraziji tagħhom. Huwa essenzjali wkoll għad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni, minħabba r-rwol tas-servizzi tal-media bħala mezzi biex titwassal l-espressjoni kulturali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw id-dritt għal pluralità ta’ kontenut tal-media u jikkontribwixxu għal ambjent tal-media abilitanti billi jiżguraw li l-kundizzjonijiet qafas rilevanti jkunu fis-seħħ. Tali approċċ jirrifletti d-dritt li persuna tirċievi u taqsam l-informazzjoni u r-rekwiżit li jiġu rrispettati l-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), flimkien mal-Artikolu 22 tagħha, li jirrikjedi li l-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika. Barra minn hekk, fit-trawwim tal-fluss transfruntier tas-servizzi tal-media, jenħtieġ li jkun żgurat livell minimu ta’ protezzjoni għar-riċevituri tas-servizzi tal-media fis-suq intern. Fir-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, iċ-ċittadini talbu lill-Unjoni tippromwovi iżjed l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-media, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tindirizza t-theddidiet għall-indipendenza tal-media permezz ta’ standards minimi madwar l-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li jiġu armonizzati ċerti aspetti tar-regoli nazzjonali relatati mas-servizzi tal-media, filwaqt li jitqies ukoll l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid l-importanza li tiġi rispettata d-diversità nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jadottaw regoli aktar dettaljati jew aktar stretti f’oqsma speċifiċi, dment li dawk ir-regoli jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-pluraliżmu tal-media jew tal-indipendenza editorjali, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u dment li l-Istati Membri ma jirrestrinġux il-moviment liberu tas-servizzi tal-media minn Stati Membri oħra li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti f’dawk l-oqsma. Jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu wkoll il-possibbiltà li jżommu jew jadottaw miżuri biex jippreservaw il-pluraliżmu tal-media jew l-indipendenza editorjali fil-livell nazzjonali fir-rigward ta’ aspetti mhux koperti minn dan ir-Regolament sa fejn dawn il-miżuri jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Huwa xieraq ukoll li jitfakkar li dan ir-Regolament jirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri kif imsemmija fl-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari s-setgħat tagħhom li jissalvagwardjaw il-funzjonijiet essenzjali tal-istat.

(9)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ servizz tal-media tkun limitata għas-servizzi kif definiti mit-TFUE u għalhekk jenħtieġ li tkun tkopri kull forma ta’ attività ekonomika. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ servizz tal-media tkun tkopri, b’mod partikolari, ix-xandiriet tat-televiżjoni jew tar-radju, is-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba, il-podcasts tal-awdjo u l-pubblikazzjonijiet tal-istampa. Jenħtieġ li din teskludi l-kontenut iġġenerat mill-utent u mtella’ fuq pjattaforma online, sakemm dan ma jkunx jikkostitwixxi attività professjonali normalment ipprovduta għal kumpens, sew finanzjarju u sew ta’ natura oħra. Jenħtieġ li din teskludi wkoll il-korrispondenza purament privata, bħall-emails, u s-servizzi kollha li l-iskop ewlieni tagħhom mhux il-forniment ta’ programmi jew ta’ pubblikazzjonijiet tal-istampa, jiġifieri meta l-kontenut ikun biss inċidentali għas-servizz u mhux l-iskop ewlieni tiegħu, bħar-reklamar jew informazzjoni relatata ma’ prodott jew ma’ servizz ipprovdut fuq siti web li ma joffrux servizzi tal-media. Jenħtieġ li l-komunikazzjoni korporattiva u d-distribuzzjoni tal-materjal informattiv jew promozzjonali għall-entitajiet pubbliċi jew privati jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni. Barra minn hekk, peress li l-operat tal-fornituri tas-servizzi tal-media fis-suq intern jista’ jieħu forom differenti, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media tkopri spettru wiesa’ ta’ atturi professjonali tal-media li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni tas-servizzi tal-media, inkluż il-freelancers.

(10)

Jenħtieġ li l-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jinftiehmu li huma dawk inkarigati fl-istess ħin b’mandat ta’ servizz pubbliku u li jirċievu finanzjament pubbliku għat-twettiq ta’ dan il-mandat. Jenħtieġ li dan ma jkoprix impriżi tal-media privati li jkunu qablu li jwettqu, bħala parti limitata tal-attivitajiet tagħhom, ċerti kompiti speċifiċi ta’ interess ġenerali bi ħlas.

(11)

Fis-suq tal-media diġitali, il-fornituri tal-pjattaformi tal-video-sharing jew fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jistgħu jaqgħu fid-definizzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media. B’mod ġenerali, dawn il-fornituri jaqdu rwol importanti fl-organizzazzjoni tal-kontenut, inkluż b’mezzi awtomatizzati jew permezz ta’ algoritmi, iżda ma jeżerċitawx responsabbiltà editorjali fuq il-kontenut li jipprovdu aċċess għalih. Iżda fl-ambjent tal-media, li qed isir dejjem aktar konverġenti, xi fornituri tal-pjattaformi tal-video-sharing jew fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna bdew jeżerċitaw kontroll editorjali fuq parti jew partijiet mis-servizzi tagħhom. Għalhekk, meta tali fornituri jeżerċitaw kontroll editorjali fuq taqsima jew taqsimiet tas-servizzi tagħhom, huma jistgħu jiġu kkwalifikati kemm bħala fornitur tal-pjattaforma tal-video-sharing jew fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna kif ukoll bħala fornitur ta’ servizzi tal-media.

(12)

Jenħtieġ li d-definizzjoni tal-kejl tal-udjenzi tkun tkopri s-sistemi ta’ kejl żviluppati kif maqbul mill-istandards tal-industrija fl-organizzazzjonijiet awtoregolatorji, bħall-Kumitati Konġunti tal-Industrija, u s-sistemi ta’ kejl żviluppati barra minn dawn l-approċċi awtoregolatorji. Dawn tal-aħħar għandhom it-tendenza li jiġu użati minn ċerti atturi online, inkluż pjattaformi online, li jkejlu lilhom infushom jew li jipprovdu sistemi ta’ kejl proprjetarju tal-udjenzi lis-suq mingħajr ma jikkonformaw mal-istandards jew l-aħjar prattiki tal-industrija maqbula b’mod komuni. Minħabba l-impatt sinifikanti ta’ dawn is-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi fuq is-swieq tar-reklamar u tal-media, jenħtieġ li dawn jiġu koperti minn dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-kapaċità li jiġi pprovdut aċċess għall-kontenut tal-media u l-kapaċità li l-utenti tagħhom jiġu mmirati b’reklamar jippermettu lill-pjattaformi online jikkompetu mal-fornituri ta’ servizzi tal-media li jiddistribwixxu l-kontenut tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ kejl tal-udjenzi tinftiehem li tinkludi wkoll sistemi ta’ kejl li jippermettu l-ġbir, l-interpretazzjoni jew kwalunkwe pproċessar ieħor ta’ informazzjoni dwar l-użu tal-kontenut tal-media u tal-kontenut maħluq mill-utenti fuq pjattaformi online li jintużaw primarjament biex jaċċessaw tali kontenut. Dak jiżgura li l-fornituri ta’ sistemi tal-kejl tal-udjenzi li huma intermedjarji involuti fid-distribuzzjoni tal-kontenut ikunu trasparenti dwar l-attivitajiet tagħhom tal-kejl tal-udjenzi, filwaqt li jrawmu l-kapaċità tal-fornituri ta’ servizzi tal-media u tar-reklamaturi li jagħmlu għażliet infurmati.

(13)

Jenħtieġ li r-reklamar mill-istat kif iddefinit minn dan ir-Regolament jinftiehem b’mod wiesa’ bħala li jkopri attivitajiet promozzjonali jew awtopromozzjonali, avviżi pubbliċi jew kampanji ta’ informazzjoni mwettqa minn, għal jew f’isem firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet jew entitajiet pubbliċi, inkluż gvernijiet nazzjonali jew subnazzjonali, awtoritajiet jew korpi regolatorji u entitajiet ikkontrollati minn gvernijiet nazzjonali jew subnazzjonali. Tali kontroll jista’ jirriżulta minn drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor li jagħti l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità. B’mod partikolari, is-sjieda tal-kapital jew id-dritt li jintużaw l-assi kollha jew parti mill-assi ta’ entità, jew id-drittijiet jew il-kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ entità huma fatturi rilevanti, kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (7). Madankollu, jenħtieġ li d-definizzjoni tar-reklamar mill-Istat ma tkunx tinkludi avviżi uffiċjali li huma ġġustifikati minn raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku bħal messaġġi ta’ emerġenza mill-awtoritajiet jew l-entitajiet pubbliċi meħtieġa, pereżempju, meta jinqalgħu xi diżastri naturali jew kriżijiet relatati mas-saħħa, aċċidenti jew inċidenti oħra għal għarrieda li jistgħu jagħmlu ħsara lil xi individwi. Meta s-sitwazzjoni ta’ emerġenza tkun intemmet, jenħtieġ li l-avviżi relatati ma’ dik l-emerġenza li huma mqiegħda, promossi, ippubblikati jew disseminati bi ħlas jew għal kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra jitqiesu bħala reklamar mill-istat.

(14)

Biex ikun żgurat li s-soċjetà tgawdi mill-benefiċċji tas-suq intern għas-servizzi tal-media, hu essenzjali li mhux biss ikunu żgurati l-libertajiet fundamentali skont it-Trattati, iżda anki ċ-ċertezza legali meħtieġa għat-tgawdija tal-benefiċċji ta’ suq integrat u żviluppat. Jenħtieġ li, f’suq intern li jiffunzjona tajjeb, ir-riċevituri ta’ servizzi tal-media jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi tal-media ta’ kwalità, li jkunu ġew prodotti minn ġurnalisti b’mod indipendenti u f’konformità mal-istandards etiċi u ġurnalistiċi u li, għalhekk, jipprovdu informazzjoni affidabbli. Dak huwa partikolarment rilevanti għall-kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti, li jikkonsisti minn kategorija wiesgħa ta’ kontenut ta’ interess politiku, soċjetali jew kulturali fil-livell lokali, nazzjonali jew internazzjonali. Il-kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti għandu l-potenzjal li jkollu rwol ewlieni fit-tiswir tal-opinjoni pubblika u għandu impatt dirett fuq il-parteċipazzjoni demokratika u l-benesseri tas-soċjetà. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti jinftiehem li jkopri kwalunkwe tip ta’ kontenut ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, irrispettivament mill-forma li jieħu. Il-kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti jista’ jilħaq udjenzi f’formati differenti, bħal dokumentarji, rivisti jew talk-shows, u jista’ jinxtered b’modi differenti, inkluż billi jittella’ fuq pjattaformi online. Servizzi tal-media ta’ kwalità huma wkoll antidotu kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza mill-barranin. Jenħtieġ li l-aċċess għal tali servizzi jiġi żgurat ukoll billi jiġu evitati tentattivi maħsuba biex isikktu l-ġurnalisti, li jvarjaw minn theddid u fastidju sa ċensura u t-trażżin ta’ opinjonijiet kuntrarji, li jistgħu jillimitaw il-fluss liberu ta’ informazzjoni fl-isfera pubblika billi jnaqqsu l-kwalità u l-pluralità tal-informazzjoni. Id-dritt għal pluralità tal-kontenut tal-media ma jinvolvi l-ebda obbligu korrispondenti fuq xi fornitur ta’ servizzi tal-media partikolari li jrid jimxi ma’ standards mhux stabbiliti b’mod espliċitu mil-liġi.

(15)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni garantita lill-individwi permezz tal-Karta. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem osservat li f’settur tant sensittiv bħas-settur tal-media awdjoviżiva, minbarra d-dmir negattiv tiegħu ta’ noninterferenza, is-setgħat pubbliċi għandhom obbligu pożittiv li jistabbilixxu qafas leġiżlattiv u amministrattiv xieraq biex jiżguraw pluraliżmu tal-media effettiv (8).

(16)

Il-fluss liberu ta’ informazzjoni affidabbli hu essenzjali f’suq intern li jiffunzjona tajjeb tas-servizzi tal-media. Għalhekk, jenħtieġ li l-forniment tas-servizzi tal-media ma jkunx soġġett għal restrizzjonijiet kuntrarji għal dan ir-Regolament jew għal regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2010/13/UE, li tipprevedi l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-utenti minn kontenut illegali u dannuż. Ir-restrizzjonijiet jistgħu jinħolqu wkoll mill-miżuri applikati mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(17)

Il-protezzjoni tal-indipendenza editorjali hi prekundizzjoni għall-eżerċitar tal-attività tal-fornituri ta’ servizzi tal-media u għall-integrità professjonali tagħhom f’ambjent tal-media sikur. L-indipendenza editorjali hi partikolarment importanti għall-fornituri ta’ servizzi tal-media li jipprovdu kontenut ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, minħabba r-rwol soċjetali tagħha bħala ben pubbliku. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-media jkunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom b’mod liberu fis-suq intern u jikkompetu bl-istess kundizzjonijiet f’ambjent dejjem aktar online fejn l-informazzjoni taqsam il-fruntieri.

(18)

L-Istati Membri ħaddmu approċċi differenti għall-protezzjoni tal-libertà u l-indipendenza editorjali, li qed tiġi sfidata dejjem aktar madwar l-Unjoni. B’mod partikolari, f’diversi Stati Membri qiegħda tiżdied dejjem aktar l-interferenza fid-deċiżjonijiet editorjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media. Tali interferenza tista’ tkun diretta jew indiretta, mill-istat jew minn atturi oħra, inkluż minn awtoritajiet pubbliċi, uffiċjali eletti, uffiċjali tal-gvern u politiċi, pereżempju biex jinkiseb xi vantaġġ politiku. L-azzjonisti u partijiet privati oħra li għandhom sehem fil-fornituri ta’ servizzi tal-media jistgħu jaġixxu b’modi li jmorru lil hinn mill-bilanċ meħtieġ bejn il-libertà tan-negozju tagħhom stess u l-libertà tal-espressjoni, min-naħa, u l-libertà editorjali tal-espressjoni u d-drittijiet tal-informazzjoni tal-utenti, min-naħa l-oħra, biex jinkiseb vantaġġ ekonomiku jew vantaġġi oħra. Minħabba r-rwol soċjetali tal-media, tali interferenza indebita tista’ taffettwa b’mod negattiv il-proċess tal-formazzjoni tal-opinjoni pubblika. Barra minn hekk, ix-xejriet reċenti fid-distribuzzjoni u l-konsum tal-media, inkluż, b’mod partikolari, fl-ambjent online, wasslu lill-Istati Membri biex jikkunsidraw liġijiet li għandhom l-għan li jirregolaw il-forniment tal-kontenut tal-media. Anki l-approċċi li ħadu l-fornituri ta’ servizzi tal-media biex jiżguraw l-indipendenza editorjali huma varji. Minħabba tali interferenza u frammentazzjoni tar-regolamentazzjoni u tal-approċċi, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi mill-fornituri ta’ servizzi tal-media u, fuq kollox, il-kwalità tas-servizzi tal-media li jirċievu ċ-ċittadini u n-negozji qed jintlaqtu negattivament fis-suq intern. Għalhekk, jenħtieġ jiġu stabbiliti salvagwardji effettivi li jippermettu l-eżerċizzju tal-libertà editorjali madwar l-Unjoni ħalli l-fornituri ta’ servizzi tal-media jkunu jistgħu jipproduċu u jqassmu b’mod indipendenti l-kontenut tagħhom fuq livell transfruntier u r-riċevituri tas-servizzi tal-media jkunu jistgħu jirċievu dan il-kontenut.

(19)

Il-ġurnalisti u l-edituri huma l-atturi ewlenin fil-produzzjoni u l-forniment ta’ kontenut affidabbli tal-media, b’mod partikolari billi jirrapportaw dwar l-aħbarijiet jew il-ġrajjiet kurrenti. Is-sorsi huma ekwivalenti għal “materja prima” għall-ġurnalisti: huma l-bażi għall-produzzjoni tal-kontenut tal-media, b’mod partikolari l-kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti. Għalhekk huwa kruċjali li l-kapaċità tal-ġurnalisti li jiġbru, jivverifikaw il-fatti u janalizzaw l-informazzjoni tiġi protetta, b’mod partikolari informazzjoni maqsuma jew ikkomunikata b’mod kunfidenzjali, kemm offline kif ukoll online, li hija marbuta ma’ jew kapaċi tidentifika sorsi ġurnalistiċi. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-media u l-persunal editorjali tagħhom, b’mod partikolari l-ġurnalisti, inkluż dawk li joperaw f’forom mhux standard ta’ impjieg, bħall-freelancers, ikunu jistgħu jiddependu fuq protezzjoni robusta tas-sorsi ġurnalistiċi u tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali, inkluż protezzjoni kontra l-interferenza indebita u l-użu ta’ teknoloġiji ta’ sorveljanza. Mingħajr tali protezzjoni, il-fluss liberu tas-sorsi lill-fornituri ta’ servizzi tal-media jista’ jiġi skoraġġut u, għalhekk, l-eżerċizzju liberu tal-attività ekonomika mill-fornituri ta’ servizzi tal-media jista’ jiġi mxekkel għad-detriment tal-provvista ta’ informazzjoni lill-pubbliku, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Għaldaqstant, il-libertà tal-ġurnalisti li jwettqu l-attività ekonomika tagħhom u jaqdu r-rwol vitali tagħhom ta’ “gwardjan pubbliku” tista’ tiġi pperikolata minn tali ostakli, u dan jaffettwa l-aċċess għal servizzi tal-media ta’ kwalità negattivament.

(20)

Biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi u tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali u jiġi ggarantit rispett adegwat għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet ta’ persuna f’konformità mal-Karta, jenħtieġ li s-salvagwardji japplikaw ukoll għal persuni li, minħabba r-relazzjoni privata jew professjonali regolari tagħhom mal-fornituri ta’ servizzi tal-media jew mal-persunal editorjali tagħhom, x’aktarx ikollhom informazzjoni li tista’ tidentifika sorsi ġurnalistiċi jew komunikazzjonijiet kunfidenzjali. Jenħtieġ li dak jinkludi persuni li jgħixu f’relazzjoni mill-qrib f’unità domestika konġunta u fuq bażi stabbli u kontinwa u persuni li huma jew li kienu involuti professjonalment fit-tħejjija, fil-produzzjoni jew fid-disseminazzjoni ta’ programmi jew pubblikazzjonijiet tal-istampa u li huma fil-mira biss minħabba r-rabtiet mill-qrib tagħhom mal-fornituri ta’ servizzi tal-media, mal-ġurnalisti jew ma’ membri oħra tal-persunal editorjali. Jenħtieġ li l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi u tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-persunal tal-fornituri ta’ servizzi tal-media, bħall-persunal tekniku, inkluż l-esperti taċ-ċibersigurtà, li jistgħu jkunu fil-mira minħabba r-rwol importanti ta’ appoġġ li jipprovdu lill-ġurnalisti fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom, li tirrikjedi soluzzjonijiet biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-ħidma tal-ġurnalisti, u l-probabbiltà sussegwenti li jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar sorsi ġurnalistiċi jew komunikazzjonijiet kunfidenzjali.

(21)

Il-protezzjoni ta’ sorsi ġurnalistiċi u l-komunikazzjonijiet kunfidenzjali hija konsistenti mad-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tiegħu. Huwa kruċjali wkoll għas-salvagwardja tar-rwol ta’ “gwardjan pubbliku” tal-fornituri ta’ servizzi tal-media u, b’mod partikolari tal-ġurnalisti investigattivi f’soċjetajiet demokratiċi u għad-difiża tal-istat tad-dritt. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni għal sorsi ġurnalistiċi u komunikazzjonijiet kunfidenzjali jirrikjedi li l-miżuri għall-kisba ta’ tali informazzjoni jkunu awtorizzati minn awtorità li tista’ tivvaluta b’mod indipendenti u imparzjali jekk din hijiex iġġustifikata minn raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku, bħal qorti, imħallef, prosekutur li jaġixxi f’kapaċità ġudizzjarja, jew awtorità oħra bħal din b’kompetenza li tawtorizza dawk il-miżuri f’konformità mal-liġi nazzjonali. Dan jirrikjedi wkoll li l-miżuri ta’ sorveljanza jkunu soġġetti għal rieżami regolari minn tali awtorità biex jiġi aċċertat jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-miżura inkwistjoni għadhomx jiġu ssodisfati. Dak ir-rekwiżit jiġi sodisfatt ukoll meta l-għan tar-rieżami regolari hu li jivverifika jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw estensjoni tal-awtorizzazzjoni għall-użu tal-miżura ġewx issodisfati.

(22)

Jenħtieġ li jitfakkar ukoll li, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jippresupponi, fil-prinċipju, li persuna tkun infurmata fi żmien debitu, mingħajr ma tiġi kompromessa l-effettività tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, bil-miżuri ta’ sorveljanza meħuda mingħajr l-għarfien tal-persuna kkonċernata sabiex dak id-dritt jiġi eżerċitat b’mod effettiv. Biex ikompli jissaħħaħ dak id-dritt, huwa importanti li l-fornituri ta’ servizzi tal-media, il-ġurnalisti u l-persuni li għandhom relazzjoni regolari jew professjonali magħhom ikunu jistgħu jiddependu fuq assistenza adegwata meta jeżerċitaw dak id-dritt. Tali assistenza tista’ tkun ta’ natura legali, finanzjarja jew ta’ natura oħra, bħal pereżempju l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli. Tali assistenza tista’ tiġi pprovduta b’mod effettiv, pereżempju, minn awtorità jew korp indipendenti jew, fejn ma jeżistux tali awtorità jew korp, minn korp jew mekkaniżmu awtoregolatorju. Mhuwiex l-għan ta’ dan ir-Regolament li jarmonizza l-kunċetti ta’ “detenzjoni”, “spezzjoni”, “tiftix u sekwestru” jew “sorveljanza”.

(23)

Il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi u l-komunikazzjonijiet kunfidenzjali bħalissa hija regolata b’mod eteroġenju fl-Istati Membri. Xi Stati Membri jipprovdu protezzjoni assoluta kontra l-koerċizzjoni tal-ġurnalisti li jiżvelaw fi proċedimenti kriminali u amministrattivi informazzjoni li tidentifika s-sors tagħhom, inkluż komunikazzjonijiet li jitwettqu b’impenn ta’ kunfidenzjalità. Stati Membri oħra jipprovdu protezzjoni kwalifikata u limitata għal proċedimenti ġudizzjarji bbażati fuq ċerti akkużi kriminali, filwaqt li oħrajn jipprovdu protezzjoni fil-forma ta’ prinċipju ġenerali. Dak iwassal għal frammentazzjoni fis-suq intern għas-servizzi tal-media u standards mhux uniformi ta’ protezzjoni għal sorsi ġurnalistiċi u komunikazzjonijiet kunfidenzjali madwar l-Unjoni. Għal dak l-għan, dan ir-Regolament jintroduċi standards minimi komuni ta’ protezzjoni għal sorsi ġurnalistiċi u komunikazzjonijiet kunfidenzjali fir-rigward ta’ miżuri koerċittivi użati mill-Istati Membri biex tinkiseb tali informazzjoni. Biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-sorsi ġurnalistiċi u tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jieħdux tali miżuri, inkluż l-użu ta’ software ta’ sorveljanza intrużiv, fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi tal-media, il-persunal editorjali tagħhom jew kwalunkwe persuna li, minħabba r-relazzjoni regolari jew professjonali tagħhom ma’ fornitur ta’ servizzi tal-media jew il-persunal editorjali tiegħu, jista’ jkollhom informazzjoni relatata ma’ jew li kapaċi tidentifika sorsi ġurnalistiċi jew komunikazzjonijiet kunfidenzjali.

(24)

Il-professjonisti tal-media, b’mod partikolari l-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-media involuti f’attivitajiet editorjali, jaħdmu dejjem aktar fuq proġetti transfruntieri u jipprovdu s-servizzi tagħhom lil udjenzi transfruntieri u, bħala konsegwenza, lil fornituri tas-servizzi tal-media. B’riżultat ta’ dan, il-fornituri ta’ servizzi tal-media x’aktarx jiffaċċaw ostakli, inċertezza legali u kundizzjonijiet mhux uniformi tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi u tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali teħtieġ aktar armonizzazzjoni u tisħiħ fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għal protezzjoni ulterjuri jew assoluta fil-livell nazzjonali.

(25)

Software ta’ sorveljanza intrużiv, inkluż, b’mod partikolari, dak li huwa komunement imsejjaħ “spyware”, jirrappreżenta forma partikolarment invażiva ta’ sorveljanza fuq il-professjonisti tal-media u s-sorsi tagħhom. Dan jista’ jintuża biex jirreġistra telefonati b’mod sigriet jew inkella juża l-mikrofonu ta’ apparat tal-utent finali, jiġbed filmat jew jieħu ritratti ta’ persuni fiżiċi, magni jew l-ambjent ta’ madwarhom, jikkopja messaġġi, jaċċessa data dwar il-kontenut, jittraċċa attività ta’ bbrawżjar, jittraċċa l-ġeolokalizzazzjoni jew jiġbor data oħra tas-sensur, jew jittraċċa attivitajiet f’diversi apparati tal-utenti finali. Dan għandu effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet ekonomiċi fis-settur tal-media. Jipperikola, b’mod partikolari, ir-relazzjoni ta’ fiduċja tal-ġurnalisti mas-sorsi tagħhom, li hija l-qalba tal-professjoni ġurnalistika. Minħabba n-natura diġitali u intrużiva ta’ tali software u l-użu tal-apparati fuq livell transfruntier, dan għandu impatt partikolarment detrimentali fuq l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi mil-fornituri ta’ servizzi tal-media fis-suq intern. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi tal-media, inkluż il-ġurnalisti, li joperaw fis-suq intern tas-servizzi tal-media jistgħu jiddependu fuq protezzjoni armonizzata robusta fir-rigward tal-użu ta’ software ta’ sorveljanza intrużiv fl-Unjoni, inkluż meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jirrikorru għal partijiet privati biex jużawh.

(26)

Jenħtieġ li s-software ta’ sorveljanza intrużiv jintuża biss meta jkun ġustifikat minn raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku, jekk ikun previst fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali, jekk ikun f’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u ma’ liġi oħra tal-Unjoni, jekk ikun ġie awtorizzat ex ante jew, f’każijiet eċċezzjonali u urġenti, ikun ikkonfermat sussegwentement minn awtorità ġudizzjarja jew awtorità deċiżjonali indipendenti u imparzjali, jekk iseħħ f’investigazzjonijiet ta’ reati elenkati fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA (9) punibbli fl-Istat Membru kkonċernat b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin jew f’investigazzjonijiet ta’ reati serji oħra punibbli fl-Istat Membru kkonċernat b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni ta’ perjodu massimu ta’ mill-inqas ħames snin, kif determinat mil-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, u dment li l-ebda miżura inqas restrittiva oħra ma tkun adegwata u suffiċjenti biex tinkiseb l-informazzjoni mitluba. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwu biss jekk ikunu meħtieġa u jekk ġenwinament jissodisfaw l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni. Għalhekk, fir-rigward speċifikament tal-użu ta’ software ta’ sorveljanza intrużiv, jenħtieġ li jiġi vverifikat jekk ir-reat inkwistjoni jilħaqx limitu ta’ gravità kif stabbilit f’dan ir-Regolament, jekk, wara evalwazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha f’każ partikolari, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dan ir-reat jistħoqqilhomx l-interferenza partikolarment intrużiva fid-drittijiet fundamentali u fil-libertajiet ekonomiċi permezz tal-użu ta’ software ta’ sorveljanza intrużiv, jekk hemmx provi suffiċjenti li r-reat inkwistjoni twettaq, u jewkk l-użu ta’ software ta’ sorveljanza intrużiv huwiex rilevanti sabiex jiġu stabbiliti l-fatti relatati mal-investigazzjoni u mal-prosekuzzjoni ta’ dan ir-reat.

(27)

Fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jaqdu rwol partikolari fis-suq intern ta’ servizzi tal-media, billi jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess għal offerta ta’ kontenut diversifikat, inkluż informazzjoni ta’ kwalità u rappurtaġġ imparzjali u bbilanċjata mill-media, bħala parti mill-mandat tagħha kif definit fil-livell nazzjonali skont il-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-TUE u t-TFUE. Huma għandhom rwol importanti fid-difiża tad-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, billi jippermettu lin-nies ifittxu u jirċievu informazzjoni diversa, u fil-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, id-diversità kulturali u l-koeżjoni soċjali. Huma jipprovdu forum għal diskussjoni pubblika u mezz għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika usa’ taċ-ċittadini. L-indipendenza tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku hija kruċjali waqt il-perjodi elettorali biex tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal informazzjoni imparzjali ta’ kwalità. Madankollu, fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jistgħu jkunu partikolarment esposti għar-riskju ta’ interferenza, minħabba l-qrubija istituzzjonali tagħhom għall-istat u l-finanzjament pubbliku li jirċievu. Dak ir-riskju huwa aggravat minn salvagwardji mhux uniformi relatati mar-rappurtaġġ ibbilanċjat u l-governanza indipendenti tal-fornituri ta’ media tas-servizz pubbliku fl-Unjoni. Kemm il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2022 intitolata “Rapport tal-2022 dwar l-Istat tad-Dritt” kif ukoll l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media tal-2022 miċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Media jikkonfermaw il-frammentazzjoni ta’ tali salvagwardji u jindikaw riskji li jirriżultaw minn finanzjament inadegwat. Kif muri mill-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew fir-rapport tiegħu tal-2022 bit-titlu “Governance and independence of public service media (Il-governanza u l-indipendenza tal-media tas-servizz pubbliku)”, il-garanziji għall-funzjonament indipendenti tal-fornituri ta’ media tas-servizz pubbliku jvarjaw madwar l-Unjoni, b’differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u l-livell ta’ dettall fl-approċċi nazzjonali.

(28)

L-oqfsa legali li jiżguraw rappurtaġġ ibbilanċjat mill-fornituri ta’ media tas-servizz pubbliku jvarjaw madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, ir-regoli jvarjaw madwar l-Unjoni fir-rigward tal-ħatra u t-tkeċċija tal-maniġment tal-media tas-servizz pubbliku. Pereżempju, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ordnijiet legali nazzjonali jistipulaw diversi raġunijiet għat-tkeċċija, oħrajn ma jipprevedu l-ebda regola speċifika. Fejn jeżistu regoli, dawn huma, f’xi każijiet, insuffiċjenti jew mhumiex effettivi fil-prattika. Hemm ukoll każijiet meta riformi leġiżlattivi fl-Istati Membri żiedu l-kontroll governattiv tal-media tas-servizz pubbliku, inkluż fir-rigward tal-ħatra tal-kapijiet jew tal-membri tal-bord maniġerjali tal-media tas-servizz pubbliku. L-approċċi biex jiġu żgurati l-adegwatezza u l-prevedibbiltà tal-finanzjament għall-fornituri ta’ media tas-servizz pubbliku jvarjaw ukoll bejn l-Istati Membri. Meta ma jeżistux salvagwardji jew ikunu insuffiċjenti, hemm riskji ta’ interferenza politika fil-linja editorjali jew fil-governanza tal-media tas-servizz pubbliku. In-nuqqas ta’ salvagwardji għall-indipendenza tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jew li ma jkollhomx biżżejjed salvagwardji jista’ jwassal ukoll għal nuqqas ta’ stabbiltà fil-finanzjament, u b’hekk il-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jiġu esposti għar-riskju ta’ kontroll politiku jew aktar kontroll politiku.. Dan jista’ jwassal għal każijiet ta’ rappurtar parzjali jew rappurtaġġ mill-media preġudikat mill-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku, każijiet ta’ interferenza mill-gvern fil-ħatra jew fit-tkeċċija tal-maniġment tagħha jew aġġustamenti arbitrarji jew finanzjament instabbli ta’ fornituri tal-media tas-servizz pubbliku. Dan kollu jaffettwa b’mod negattiv l-aċċess għal servizzi tal-media indipendenti u imparzjali, u b’hekk jaffettwa d-dritt għal-libertà tal-espressjoni kif minqux fl-Artikolu 11 tal-Karta, u jista’ jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern għas-servizzi tal-media, inkluż għall-fornituri tas-servizzi tal-media stabbiliti fi Stati Membri oħra.

(29)

F’ambjenti nazzjonali tal-media kkaratterizzati minn koeżistenza ta’ fornituri ta’ servizzi tal-media pubbliċi u privati, fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media u jrawwmu l-kompetizzjoni fis-settur tal-media billi jipproduċu firxa wiesgħa ta’ kontenut li jissodisfa diversi interessi, perspettivi u gruppi demografiċi u billi joffru fehmiet u opzjonijiet ta’ programmazzjoni alternattivi, li jipprovdu offerta rikka u unika. Il-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jikkompetu ma’ impriżi privati tal-media u pjattaformi online, inkluż dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, għal udjenzi u, meta applikabbli, għal riżorsi tar-reklamar. Dak jikkonċerna x-xandara kummerċjali kemm fis-settur awdjoviżiv kif ukoll f’dak tar-radju, u l-pubblikaturi, u huwa partikolarment minnu fl-ambjent tal-media diġitali attwali li fih il-media kollha tespandi fl-isfera online u tipprovdi dejjem aktar is-servizzi tagħha fuq livell transfruntier. Meta tali suq doppju u kompetittiv tal-media, li huwa distintiv għal partijiet kbar tal-Unjoni, ikun qed jiffunzjona tajjeb, dan jiżgura provvista diversa u kwalitattiva tas-servizzi tal-media fis-setturi kollha. Madankollu, fejn il-finanzjament pubbliku ma jservix biex jissodisfa l-mandat ta’ benefiċċju għall-ispettaturi kollha iżda, minflok, iservi l-fehmiet partiġġjani, minħabba interferenza politika fil-governanza jew l-linja editorjali, dan jista’ jaffettwa l-kundizzjonijiet tal-kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Il-Qorti tal-Prim’ Istanza kkonfermat li x-xandir ta’ servizz pubbliku jista’ jkollu l-finanzjament tiegħu mill-istat iddikjarat konformi mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE fuq l-għajnuna mill-Istat biss sakemm jiġu rrispettati l-ħtiġijiet kwalitattivi espressi fil-missjoni ta’ servizz pubbliku (10).

(30)

Filwaqt li r-riskju ta’ dak li spiss jissejjaħ “approprjazzjoni tal-media” huwa rilevanti għas-suq kollu għas-servizzi tal-media, il-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku huma partikolarment esposti għal tali riskju, minħabba l-prossimità tagħhom għall-istat. Salvagwardji diverġenti jew insuffiċjenti għall-funzjonament indipendenti tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jistgħu jipprevjenu jew jiddiżinċentivaw lill-fornituri ta’ servizzi tal-media minn Stati Membri oħra milli joperaw jew jidħlu f’suq tal-media partikolari. Filwaqt li l-impriżi tal-media indipendenti jinvestu r-riżorsi tagħhom f’rappurtar ta’ kwalità għolja li jikkonforma mal-istandards ġurnalistiċi, ċerti fornituri tal-media tas-servizz pubbliku “approprjati” li ma jikkonformawx ma’ tali standards jistgħu jipprovdu rappurtar żbilanċjat, filwaqt li jkunu ssussidjati mill-istat. Il-vantaġġ kompetittiv li l-media indipendenti tista’ tikseb permezz ta’ rappurtar indipendenti jista’ jitnaqqas peress li l-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku “approprjati” jistgħu jżommu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq b’mod mhux xieraq. Is-swieq tal-media politiċizzati jistgħu jaffettwaw is-swieq tar-reklamar b’mod ġenerali, minħabba li n-negozji, minbarra li jfasslu kampanji ta’ reklamar effettivi, iridu jqisu l-politika. Jekk il-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku, li normalment jitqiesu bħala sors fdat ta’ informazzjoni, jipprovdu rappurtaġġ preġudikat dwar is-sitwazzjoni politika jew ekonomika jew dwar atturi ekonomiċi speċifiċi minħabba li jkunu ġew approprjati, dak jista’ jnaqqas ukoll il-kapaċità tal-impriżi li jinfurmaw lilhom infushom kif xieraq dwar is-sitwazzjoni ekonomika f’suq partikolari u, għalhekk, il-kapaċità tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet kummerċjali infurmati. Għalhekk, tali approprjazzjoni jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern. Fl-aħħar nett, minħabba rappurtar preġudikat minn ċerti fornituri tal-media tas-servizz pubbliku “approprjati” f’xi Stati Membri, iċ-ċittadini jistgħu jirrikorru għal sorsi alternattivi ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dawk disponibbli fuq il-pjattaformi online, li jista’ jkompli jdgħajjef il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern.

(31)

Għalhekk jeħtieġ li l-Istati Membri, filwaqt li jibnu fuq l-istandards internazzjonali żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa f’dak ir-rigward, idaħħlu fis-seħħ salvagwardji legali effettivi għall-funzjonament indipendenti tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku madwar l-Unjoni, ħielsa minn interessi governattivi, politiċi, ekonomiċi jew privati, mingħajr preġudizzju għal-liġi kostituzzjonali nazzjonali konsistenti mal-Karta. Jenħtieġ li dak jinkludi prinċipji adatti għall-modi kif l-Istati Membri jorganizzaw il-media tas-servizz pubbliku tagħhom, bħal dawk li jeżistu f’oqfsa tal-liġi amministrattiva jew korporattiva nazzjonali kif applikabbli għal impriżi privati kkwotati, rigward il-ħatra u t-tkeċċija tal-persuni jew tal-korpi li għandhom rwol fid-determinazzjoni tal-politiki editorjali jew li jikkostitwixxu l-ogħla awtorità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dak ir-rigward fi ħdan il-fornitur tal-media tas-servizz pubbliku. Dawk il-prinċipji jenħtieġ li jiġu stipulati fil-livell nazzjonali. Jeħtieġ ukoll li jiġi ggarantit li, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, il-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jibbenefikaw minn proċeduri ta’ finanzjament trasparenti u oġġettivi li jiggarantixxu riżorsi finanzjarji adegwati u stabbli biex jissodisfaw il-missjoni tas-servizz pubbliku tagħhom, jippermettu l-prevedibbiltà fil-proċessi ta’ ippjanar tagħhom u jippermettulhom jiżviluppaw fil-missjoni tas-servizz pubbliku tagħhom. Jenħtieġ li dan il-finanzjament jiġi deċiż u jitwarrab preferibbilment għal diversi snin, f’konformità mal-missjoni tas-servizz pubbliku tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ influwenza indebita min-negozjati baġitarji annwali. Dan ir-Regolament ma jaffettwawx il-kompetenza tal-Istati Membri li jipprevedu l-finanzjament tal-fornituri ta’ media tas-servizz pubbliku kif minqux fil-Protokoll Nru 29.

(32)

Hu kruċjali għal dawk ir-riċevituri tas-servizzi tal-media jkunu jafu b’ċertezza min hu s-sid u min hu wara l-media biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jifhmu l-kunflitti ta’ interess potenzjali. Dak hu prerekwiżit biex isawru opinjonijiet informati tajjeb u, għalhekk, biex jieħdu sehem b’mod attiv f’demokrazija. Din it-trasparenza hi għodda effettiva wkoll biex jiġu ddiżinċentivati u b’hekk jiġi limitat ir-riskju ta’ interferenza fl-indipendenza editorjali. Barra minn hekk, tikkontribwixxi għal ambjent tas-suq miftuħ u ġust u ssaħħaħ ir-responsabbiltà tal-media fil-konfront tar-riċevituri tas-servizzi tal-media, u fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għall-kwalità tas-servizzi tal-media fis-suq intern. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti komuni ta’ informazzjoni għall-fornituri ta’ servizzi tal-media madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jinkludu rekwiżiti proporzjonati u mmirati biex fornituri ta’ media tas-servizz pubbliku jiżvelaw informazzjoni rilevanti dwar is-sjieda tagħhom u d-dħul mir-reklamar li jirċievu mingħand l-awtoritajiet jew l-entitajiet pubbliċi. Tali informazzjoni hija meħtieġa biex ir-riċevituri tas-servizzi tal-media jistgħu jifhmu u jistgħu jinfurmaw ruħhom dwar kunflitti ta’ interess potenzjali, inkluż meta s-sidien tal-media jkunu esposti politikament, bħala prekundizzjoni għall-kapaċità tagħhom li jivvalutaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni li jirċievu. Dak jista’ jinkiseb biss jekk ir-riċevituri tas-servizzi tal-media jkollhom disponibbli informazzjoni aġġornata u li tinftiehem faċilment dwar is-sjieda tal-media, b’mod partikolari fil-ħin li jkunu qed jaraw, jisimgħu jew jaqraw il-kontenut tal-media, sabiex ikunu jistgħu jqiegħdu l-kontenut fil-kuntest it-tajjeb u jiffurmaw l-impressjoni korretta tiegħu. Għalhekk, l-iżvelar ta’ informazzjoni mmirata dwar is-sjieda tal-media jipproduċi benefiċċji li jegħlbu b’mod ċar kwalunkwe impatt possibbli tal-obbligu ta’ żvelar fuq id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-miżuri li jieħdu l-Istati Membri skont l-Artikolu 30(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) ma jiġux affettwati. Jenħtieġ li l-informazzjoni meħtieġa tiġi żvelata mill-fornituri tas-servizzi ta’ media rilevanti f’format elettroniku, pereżempju fuq is-siti web tagħhom, jew b’mezz ieħor li jkun aċċessibbli faċilment u direttament.

(33)

Biex ikomplu jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ trasparenza tas-sjieda tal-media, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkarigaw ukoll lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali, jew lil awtoritajiet u korpi kompetenti oħra, bl-iżvilupp ta’ bażijiet ta’ data dwar is-sjieda tal-media. Jenħtieġ li dawn il-bażijiet ta’ data jaħdmu bħala punt uniku ta’ servizz li jippermetti lir-riċevituri tas-servizzi tal-media jivverifikaw faċilment l-informazzjoni rilevanti relatata ma’ fornitur partikolari ta’ servizzi tal-media. Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet amministrattivi nazzjonali u bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu liema awtorità jew korp ser ikun responsabbli għall-iżvilupp ta’ tali bażijiet ta’ data dwar is-sjieda tal-media. Dak jista’ jkun, pereżempju, awtorità jew korp regolatorju nazzjonali, jew korp amministrattiv ieħor, li min-naħa tiegħu jista’ jistrieħ fuq l-assistenza ta’ korp ieħor b’għarfien espert rilevanti għat-twettiq tal-kompitu.

(34)

L-integrità tal-media teħtieġ ukoll approċċ proattiv biex tiġi promossa l-indipendenza editorjali mill-impriżi tal-media li jipprovdu kontenut ta’ aħbarijiet u ġrajjiet attwali, b’mod partikolari permezz ta’ salvagwardji interni. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-media jadottaw miżuri proporzjonati biex jiggarantixxu l-libertà tal-edituri li jieħdu deċiżjonijiet editorjali fi ħdan il-linja editorjali fit-tul stabbilita tal-fornitur tas-servizzi tal-media. L-objettiv li jiġu protetti d-deċiżjonijiet editorjali, b’mod partikolari dawk meħuda mill-kapijiet edituri u mill-edituri, dwar biċċiet speċifiċi ta’ kontenut minn interferenza indebita jikkontribwixxi biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq intern għas-servizzi tal-media u l-kwalità ta’ dawn is-servizzi. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jkollhom l-għan li jiżguraw ir-rispett għall-istandards ta’ indipendenza matul il-proċess editorjali kollu fil-media, inkluż bil-ħsieb li tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-kontenut ġurnalistiku. Dak l-objettiv hu konformi wkoll mad-dritt fundamentali li wieħed jirċievi u jaqsam informazzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Karta. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-media jiżguraw ukoll it-trasparenza ta’ kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali fil-konfront tar-riċevituri tas-servizzi tal-media tagħhom.

(35)

Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-media jadottaw salvagwardji interni bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-indipendenza tad-deċiżjonijiet editorjali mfassla skont id-daqs, l-istruttura u l-ħtiġijiet tagħhom. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1634 (12) tipprovdi katalogu ta’ salvagwardji interni volontarji li l-intrapriżi tal-media jistgħu jadottaw f’dak ir-rigward. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix interpretat fis-sens li s-sidien ta’ fornituri privati ta’ servizzi tal-media jiċċaħħdu mill-prerogattiva tagħhom li jistabbilixxu għanijiet strateġiċi jew ġenerali jew li jrawmu t-tkabbir u l-vijabbiltà finanzjarja tal-impriżi tagħhom. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrikonoxxi li l-għan tat-trawwim tal-indipendenza editorjali jeħtieġ jiġi rikonċiljat mad-drittijiet u mal-interessi leġittimi tas-sidien tal-media privati, bħad-dritt li jiddeterminaw il-linja editorjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-media u li jsawru l-kompożizzjoni tat-timijiet editorjali tagħhom.

(36)

L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali indipendenti huma kruċjali għall-applikazzjoni xierqa tal-liġi dwar il-media madwar l-Unjoni. Filwaqt li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali spiss ma jkollhomx kompetenza marbuta mas-settur tal-istampa, huma jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-rekwiżiti relatati mal-kooperazzjoni regolatorja u ma’ suq tas-servizzi tal-media li jiffunzjona tajjeb b’mod ġenerali, kif previst f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fir-rigward ta’ persunal, għarfien espert u mezzi finanzjarji, inkluż biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media (“il-Bord”). Jenħtieġ li dawn jiġu pprovduti b’riżorsi tekniċi, pereżempju għodod diġitali rilevanti. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Istati Membri, sa fejn meħtieġ, iżidu r-riżorsi allokati lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali, filwaqt li jqisu l-kompiti addizzjonali mogħtija lilhom skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom ukoll setgħat xierqa, b’mod partikolari biex jitolbu informazzjoni u data minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li għaliha japplika dan ir-Regolament jew li, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha, jista’ jkollha b’mod raġonevoli fil-pussess tagħha l-informazzjoni u d-data meħtieġa, fir-rigward tad-drittijiet u l-interessi ta’ tali persuni.

(37)

Biex ikun żgurat li dak ir-Regolament u liġijiet oħra tal-Unjoni dwar il-media huma applikati b’mod konsistenti, jeħtieġ li jiġi stabbilit il-Bord bħala korp konsultattiv indipendenti fil-livell tal-Unjoni li jiġbor flimkien l-awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali u jikkoordina l-azzjonijiet tagħhom. Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu, jenħtieġ li l-Bord ikun kompletament indipendenti, inkluż minn kwalunkwe influwenza politika jew ekonomika, u la jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern, istituzzjoni, sew jekk tkun nazzjonali, supranazzjonali jew internazzjonali, jew kwalunkwe persuna jew korp pubbliku jew privat. Il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA), stabbilit bid-Direttiva 2010/13/UE, kien essenzjali fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni konsistenti ta’ dik id-Direttiva. Jenħtieġ għalhekk li l-Bord jibni fuq l-ERGA u jissostitwih. Dak jeħtieġ emenda mmirata għad-Direttiva 2010/13/UE biex jitħassar l-Artikolu 30b tagħha, li jistabbilixxi l-ERGA, u, bħala konsegwenza, biex jiġu sostitwiti r-referenzi għall-ERGA u għall-kompiti tiegħu. L-emenda għad-Direttiva 2010/13/UE b’dan ir-Regolament hi ġustifikata għax hi limitata għal dispożizzjonijiet li ma teħtiġux traspożizzjoni mill-Istati Membri u hi indirizzata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(38)

Jenħtieġ li l-Bord jlaqqa’ lir-rappreżentanti għoljin tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali. L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jenħtieġ li jaħtru dawk ir-rappreżentanti. Meta l-Istati Membri jkollhom diversi awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali rilevanti, inkluż fil-livell reġjonali, jenħtieġ li jintgħażel rappreżentant konġunt permezz ta’ proċeduri xierqa u jenħtieġ li d-dritt tal-vot jibqa’ limitat għal rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru. Għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Bord, jenħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jikkonsultaw u jikkoordinaw ma’ awtoritajiet jew korpi kompetenti rilevanti u, fejn rilevanti, ma’ korpi awtoregolatorji fl-Istati Membri tagħhom. Jenħtieġ li dak ma jaffettwax il-possibbiltà li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali l-oħra jipparteċipaw, kif xieraq, fil-laqgħat tal-Bord. Jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jistieden ukoll esperti esterni, abbażi ta’ każ b’każ, għal-laqgħat tiegħu. Jenħtieġ li jkun jista’ jaħtar ukoll, bi qbil mal-Kummissjoni, osservaturi permanenti biex jattendu l-laqgħat tiegħu, inkluż, b’mod partikolari, awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali minn pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali, jew delegati ad hoc minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra.

(39)

Minħabba s-sensittività tas-settur tal-media u skont il-prattika rigward id-deċiżjonijiet tal-ERGA stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jenħtieġ li l-Bord jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bil-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti. Jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Bord jispeċifikaw, b’mod partikolari, ir-rwol, il-kompiti u l-proċeduri tal-ħatra tal-President u tal-Viċi President u l-arranġamenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-membri tal-Bord. Sabiex jappoġġa lill-President u lill-Viċi President, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jistabbilixxi Grupp ta’ Tmexxija. Jenħtieġ li l-kompożizzjoni tal-Grupp ta’ Tmexxija tqis il-prinċipju tal-bilanċ ġeografiku. Jenħtieġ li l-Bord jispeċifika l-arranġamenti speċifiċi għall-Grupp ta’ Tmexxija fir-regoli ta’ proċedura tiegħu. Jenħtieġ li l-President u l-Viċi President tal-ERGA, abbażi ta’ pariri mill-membri tal-Bord tal-ERGA, jiffaċilitaw tranżizzjoni ordnata, trasparenti u effettiva mill-ERGA għall-Bord, sakemm jiġu eletti l-President u l-Viċi President tal-Bord.

(40)

Meta l-Bord jittratta kwistjonijiet lil hinn mis-settur tal-media awdjoviżiva, jenħtieġ li jistrieħ fuq mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni effettiv li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati mis-setturi tal-media rilevanti attivi kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali Tali partijiet ikkonċernati jistgħu jinkludu kunsilli tal-istampa, assoċjazzjonijiet ġurnalistiċi, trade unions u assoċjazzjonijiet tan-negozju. Jenħtieġ li l-Bord jagħti lil dawn il-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jiġbdu l-attenzjoni tiegħu għall-iżviluppi u l-kwistjonijiet rilevanti għas-setturi tagħhom. Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni jippermetti lill-Bord jiġbor kontribut immirat mill-partijiet ikkonċernati rilevanti u jikseb informazzjoni rilevanti li tappoġġa l-ħidma tiegħu. Meta qed jiġu stabbiliti l-arranġamenti għall-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jenħtieġ li l-Bord iqis il-ħtieġa ta’ trasparenza, diversità u rappreżentanza ġeografika ġusta. Jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jikkonsulta wkoll lill-akkademja sabiex jiġbor informazzjoni rilevanti addizzjonali.

(41)

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattati, huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Bord jikkooperaw mill-qrib, biex b’hekk il-Bord ikun jista’ jagħti pariri u jappoġġa lill-Kummissjoni fi kwistjonijiet relatati mas-servizzi tal-media fil-kompetenza tagħha. Jenħtieġ li l-Bord jappoġġa b’mod attiv lill-Kummissjoni fil-kompiti tagħha li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Bord b’mod partikolari jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni dwar aspetti regolatorji, tekniċi jew prattiki rilevanti għall-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni, jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju effettiv tal-informazzjoni, tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki, u jfassal opinjonijiet fil-każijiet provduti f’dan ir-Regolament, filwaqt li jqis, meta rilevanti, is-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà tal-media u l-pluraliżmu fis-swieq tal-media kkonċernati. Tali opinjonijiet m’għandhomx ikunu legalment vinkolanti iżda jenħtieġ li jservu bħala gwida utli għall-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali kkonċernati u jistgħu jitqiesu mill-Kummissjoni fil-kompiti tagħha li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE. Billi jagħmlu l-aħjar sforz tagħhom biex jimplimentaw l-opinjoni tal-Bord jew billi jispjegaw kif xieraq kwalunkwe devjazzjoni minnha, jenħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jitqiesu li jkunu għamlu l-almu tagħhom biex iqisu l-opinjoni tal-Bord.

(42)

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv u indipendenti, jenħtieġ li l-Bord ikun assistit minn segretarjat iddedikat għall-attivitajiet tal-Bord. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi s-segretarjat. Jenħtieġ li s-segretarjat ikollu riżorsi adegwati għat-twettiq tal-kompiti tiegħu. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u baġitarja tal-Kummissjoni, huwa importanti li l-Kummissjoni tqis il-ħtiġijiet ikkomunikati mill-Bord, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalifiki, l-għarfien espert u l-profil tal-persunal tas-segretarjat għat-twettiq effettiv tal-kompiti tiegħu. Jenħtieġ li s-segretarjat ikun jista’ jistrieħ ukoll fuq l-għarfien espert u r-riżorsi tal-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali. Dak ikun kruċjali biex jassisti lill-Bord meta jkun qed iħejji r-riżultati tanġibbli tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li s-segretarjat jinkludi għadd xieraq ta’ persunal issekondat mill-awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali biex jibbenefika mill-kompetenzi u l-esperjenza tagħhom. Fil-missjoni tiegħu li jikkontribwixxi għat-twettiq indipendenti tal-kompiti tal-Bord, jenħtieġ li s-segretarjat isegwi biss l-istruzzjonijiet tal-Bord meta jappoġġa lill-Bord fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li s-segretarjat jipprovdi appoġġ sostantiv, amministrattiv u organizzazzjonali lill-Bord u jassisti lill-Bord meta jkun qed iwettaq il-kompiti tiegħu, b’mod partikolari billi jwettaq riċerka rilevanti jew iwettaq attivitajiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni.

(43)

Il-kooperazzjoni regolatorja bejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji indipendenti tal-media hi essenzjali biex is-suq intern tas-servizzi tal-media jiffunzjona sew. Madankollu, id-Direttiva 2010/13/UE ma tipprevedix qafas ta’ kooperazzjoni strutturat għall-awtoritajiet jew għall-korpi regolatorji nazzjonali. Minn mindu ġie rivedut il-qafas tal-Unjoni għas-servizzi tal-media awdjoviżiva permezz tad-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), li estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-pjattaformi tal-video-sharing, kompliet tiżdied il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali, b’mod partikolari biex jissolvew il-każijiet transfruntieri. Din il-ħtieġa hi ġustifikata wkoll fid-dawl tal-isfidi l-ġodda fl-ambjent tal-media tal-Unjoni li dan ir-Regolament għandu l-għan li jindirizza, inkluż billi l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jiġu fdati b’kompiti ġodda.

(44)

Konxji minn dawk l-isfidi, u sabiex iwieġbu għall-ħtieġa ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, fl-2020, l-ERGA qabel dwar Memorandum ta’ Qbil li stipula mekkaniżmi mhux vinkolanti għall-kooperazzjoni transfruntiera biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni rilevanti għas-servizzi tal-media awdjoviżiva u s-servizzi ta’ pjattaformi ta’ video-sharing. Fuq il-bażi ta’ dak il-qafas volontarju u biex ikun żgurat l-infurzar effettiv tal-liġi tal-Unjoni dwar il-media, biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakli addizzjonali fis-suq intern għas-servizzi tal-media u biex tiġi prevenuta ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tar-regoli applikabbli minn fornituri diżonesti ta’ servizzi tal-media, huwa essenzjali li jiġi previst qafas ċar u legalment vinkolanti għall-awtoritajiet jew għall-korpi regolatorji nazzjonali biex jikkooperaw b’mod effettiv u effiċjenti ma’ xulxin fil-qafas legali stabbilit. Tali qafas huwa kruċjali biex jiġi rispettat il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, li huwa element fundamentali tad-Direttiva 2010/13/UE, u biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw sorveljanza fuq il-fornituri rilevanti ta’ servizzi tal-media. Jenħtieġ li l-objettiv ikun li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE, pereżempju billi jiġi żgurat skambju ta’ informazzjoni bla xkiel bejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jew billi mistoqsijiet relatati ma’ kwistjonijiet ta’ ġuriżdizzjoni jkunu jistgħu jiġu indirizzati malajr. Fejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jiskambjaw informazzjoni, jenħtieġ li tiġi rrispettata l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż il-liġi rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data. Din il-kooperazzjoni u, b’mod partikolari kooperazzjoni aċċellerata hija ta’ rilevanza kruċjali għall-appoġġ ta’ azzjonijiet li jipproteġu s-suq intern minn fornituri diżonesti ta’ servizzi tal-media, filwaqt li tiżgura l-konformità mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni. B’mod partikolari, kooperazzjoni aċċellerata bħal din hija meħtieġa biex jiġi prevenut li s-servizzi tal-media li kienu ġew sospiżi f’ċerti Stati Membri skont l-Artikolu 3(3) u (5) tad-Direttiva 2010/13/UE jibqgħu jiġu pprovduti bis-satellita jew b’mezzi oħra f’dawk l-Istati Membri u b’hekk tikkontribwixxi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, għall-effett utli tal-miżuri nazzjonali rilevanti. L-opinjonijiet tal-Bord ser ikunu importanti għall-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni.

(45)

Minħabba n-natura pan-Ewropea tal-pjattaformi tal-video-sharing, jeħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom għodda ddedikata biex jipproteġu lill-utenti tas-servizzi ta’ pjattaformi ta’ video-sharing minn ċertu kontenut illegali u dannuż, inkluż komunikazzjonijiet kummerċjali. B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ pajjiż ta’ oriġini, huwa meħtieġ mekkaniżmu li jippermetti lil kwalunkwe awtorità jew korp regolatorju nazzjonali rilevanti jitlob lill-kontroparti tiegħu jieħu l-azzjonijiet meħtieġa u proporzjonati biex jiżgura l-infurzar tal-obbligi fuq il-fornituri ta’ pjattaformi ta’ video-sharing skont l-Artikolu 28b(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2010/13/UE. Dak huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-udjenzi u, b’mod partikolari, il-minorenni jkunu protetti b’mod effettiv fl-Unjoni kollha meta jaċċessaw kontenut fuq pjattaformi ta’ video-sharing u li jkunu jistgħu jistrieħu fuq livell xieraq ta’ trasparenza fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali online. Il-medjazzjoni provduti minn u l-opinjonijiet tal-Bord ser iwasslu biex jiġu żgurati riżultati aċċettabbli b’mod reċiproku u sodisfaċenti għall-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali kkonċernati. Meta l-użu ta’ mekkaniżmu bħal dan ma jwassalx għal soluzzjoni amikevoli, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor tista’ tiġi ristretta biss meta l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) ikunu ġew issodisfatti u l-proċedura stipulata fih tkun ġiet segwita.

(46)

Hu essenzjali li jkunu żgurati prattika regolatorja konsistenti, l-applikazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE. Għal dak il-għan u biex tgħin li tkun żgurata implimentazzjoni konverġenti tal-liġi tal-Unjoni dwar il-media, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ toħroġ, meta jkun meħtieġ, linji gwida dwar kwistjonijiet transfruntieri koperti kemm minn dan ir-Regolament kif ukoll mid-Direttiva 2010/13/UE. Meta tiddeċiedi jekk toħroġx linji gwida u fid-dawl tad-diskussjonijiet rilevanti mal-kumitat ta’ kuntatt stabbilit bid-Direttiva 2010/13/UE għal kwistjonijiet relatati ma’ dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod partikolari, kwistjonijiet regolatorji li jaffettwaw għadd sinifikanti ta’ Stati Membri jew kwistjonijiet regolatorji b’element transfruntier. Minħabba l-abbundanza tal-informazzjoni u l-użu dejjem jiżdied tal-mezzi diġitali għall-aċċess tal-media, hu importanti li l-prominenza tiġi żgurata għall-kontenut ta’ interess ġenerali biex tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq intern u tinkiseb konformità mad-dritt fundamentali li tiġi riċevuta informazzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Karta. Minħabba l-impatt possibbli tal-miżuri nazzjonali meħuda skont l-Artikolu 7a tad-Direttiva 2010/13/UE fuq il-funzjonament tas-suq intern ta’ servizzi tal-media, il-linji gwida mill-Kummissjoni jkunu importanti biex tinkiseb iċ-ċertezza legali f’dan il-qasam. Ikun utli wkoll li tingħata gwida dwar il-miżuri meħuda skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2010/13/UE bil-ħsieb li tiġi żgurata d-disponibbiltà pubblika ta’ informazzjoni aċċessibbli, akkurata u aġġornata relatata mas-sjieda tal-media u dwar id-dmir ta’ fornituri tas-servizzi tal-media biex jagħmlu ċerta informazzjoni aġġornata faċilment u direttament aċċessibbli għar-riċevituri tas-servizzi tagħhom. Meta tħejji l-linji gwida tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun assistita mill-Bord. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Bord jikkondividi l-għarfien espert regolatorju, tekniku u prattiku tiegħu b’rabta mal-oqsma u s-suġġetti koperti mil-linji gwida rispettivi mal-Kummissjoni.

(47)

L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom għarfien espert prattiku speċifiku li jippermettilhom jibbilanċjaw b’mod effettiv l-interessi tal-fornituri tas-servizz tal-media u tar-riċevituri ta’ servizzi tal-media, filwaqt li jiżguraw ir-rispett għal-libertà tal-espressjoni u jissalvagwardjaw u jippromwovu l-pluraliżmu tal-media. Dak hu kruċjali, b’mod partikolari, fejn tidħol il-protezzjoni tas-suq intern minn servizzi tal-media li jiġu minn barra l-Unjoni, irrispettivament mill-mezzi li bihom jiġu distribwiti jew aċċessati, li jimmiraw jew jilħqu udjenzi fl-Unjoni li, fost l-oħrajn minħabba l-kontroll li jista’ jiġi eżerċitat minn pajjiżi terzi fuqhom, jistgħu jippreġudikaw jew joħolqu riskju ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika. Riskju ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika jista’ jkun marbut ma’ provokazzjoni pubblika biex jitwettaq reat terroristiku, kif stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), u kampanji sistematiċi internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin bil-ħsieb tad-destabbilizzazzjoni tal-Unjoni b’mod ġenerali jew ta’ Stati Membri partikolari. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali biex jiffaċċaw flimkien it-theddid possibbli għas-sigurtà pubblika kkawżat minn dawn is-servizzi tal-media tissaħħaħ u tingħata qafas legali biex tiġi żgurata l-effettività u l-koordinazzjoni possibbli tal-miżuri nazzjonali adottati f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-media.

(48)

Jenħtieġ li jiġu kkoordinati l-miżuri nazzjonali li jistgħu jiġu adottati biex jiġi miġġieled it-theddid għas-sigurtà pubblika mis-servizzi tal-media li joriġinaw jew huma stabbiliti barra mill-Unjoni u li jimmiraw udjenzi fl-Unjoni, inkluż il-possibbiltà li l-Bord, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, joħroġ opinjonijiet dwar dawn il-miżuri, kif xieraq, b’mod partikolari meta sitwazzjoni tkun taffettwa diversi Stati Membri. F’dak ir-rigward, jeħtieġ li r-riskji għas-sigurtà pubblika jiġu vvalutati fid-dawl tal-elementi fattwali u legali rilevanti kollha, fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż kwalunkwe valutazzjoni eżistenti ta’ kif is-servizz tal-media kkonċernat jiġi disseminat jew riċevut fit-territorju tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-objettiv ikun li jinħoloq approċċ aktar koordinat għall-awtoritajiet jew għall-korpi regolatorji nazzjonali kkonċernati b’rabta mar-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni ta’ dawn is-servizzi tal-media, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri jew tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali kkonċernati jkunu jistgħu jqisu l-opinjonijiet tal-Bord meta jikkunsidraw li jieħdu miżuri kontra fornitur ta’ servizzi tal-media. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 215 TFUE.

(49)

Biex ikompli jappoġġa lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali fir-rwol tagħhom li jipproteġu s-suq intern għas-servizzi tal-media minn fornituri diżonesti ta’ servizzi tal-media, jenħtieġ li l-Bord ifassal lista ta’ kriterji li jikkonċernaw il-fornituri ta’ servizzi tal-media stabbiliti jew li joriġinaw minn barra l-Unjoni. Lista bħal din tgħin lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali kkonċernati f’sitwazzjonijiet meta fornitur ta’ servizzi tal-media rilevanti jfittex ġuriżdizzjoni fi Stat Membru jew meta fornitur ta’ servizzi tal-media diġà taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru jidher li joħloq riskju serju u gravi għas-sigurtà pubblika. L-elementi li għandhom jiġu koperti f’lista bħal din jistgħu jikkonċernaw, fost l-oħrajn, is-sjieda, il-maniġment, l-istrutturi ta’ finanzjament, l-indipendenza editorjali minn pajjiżi terzi jew l-aderenza ma’ mekkaniżmi koregolatorji jew awtoregolatorji li jirregolaw l-istandards editorjali fi Stat Membru wieħed jew aktar.

(50)

Il-pjattaformi online kbar ħafna jaġixxu ta’ gateway għal ħafna utenti biex jipprovdu aċċess għall-kontenut tal-media u għas-servizzi tal-media. Il-fornituri ta’ servizzi tal-media li jeżerċitaw responsabbiltà editorjali fuq il-kontenut tagħhom jaqdu rwol ewlieni fid-distribuzzjoni tal-informazzjoni u fl-eżerċizzju tad-dritt li tirċievi u tagħti l-informazzjoni online. Meta jeżerċitaw din ir-responsabbiltà editorjali, il-fornituri ta’ servizzi tal-media huma mistennija jaġixxu b’diliġenza u jipprovdu informazzjoni affidabbli u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali, f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji jew mal-mekkaniżmi koregolatorji jew awtoregolatorji li jkunu soġġetti għalihom fl-Istati Membri. Għaldaqstant, anki minħabba d-dritt tal-utenti li jirċievu u jagħtu l-informazzjoni, meta l-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jkun jidhrilu li l-kontenut ipprovdut minn dawn il-fornituri ta’ servizzi tal-media jkun inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu, jenħtieġ li jqis kif xieraq il-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media, f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065, u malajr kemm jista’ jkun, jipprovdu l-ispjegazzjonijiet meħtieġa lill-fornituri ta’ servizzi tal-media f’d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2022/2065. Biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt ta’ kwalunkwe restrizzjoni għal dak il-kontenut fuq id-dritt tal-utenti li jirċievu u jagħtu l-informazzjoni, jenħtieġ li l-pjattaformi online kbar ħafna jissottomettu d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħhom qabel ma ssir effettiva s-sospensjoni jew ir-restrizzjoni tal-viżibbiltà. Barra minn hekk, jenħtieġ li jagħtu lill-fornitur ta’ servizzi tal-media kkonċernat l-opportunità li jwieġeb għad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet fi żmien 24 siegħa minn meta jirċieviha, qabel ma ssir effettiva s-sospensjoni jew r-restrizzjoni tal-viżibbiltà. Jista’ japplika perjodu ta’ żmien iqsar fil-każ ta’ kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, biex titqies b’mod partikolari, il-ħtieġa urġenti li jiġi mmoderat il-kontenut rilevanti f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn.

(51)

Jenħtieġ li l-użu ta’ tikkettar jew -għodod li jivverifikaw l-età mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna f’konformità mat-termini tas-servizz tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni ma jinftiehemx bħala restrizzjoni tal-viżibbiltà. Wara t-tweġiba ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media lid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna, jew fin-nuqqas ta’ tali tweġiba fil-perjodu ta’ żmien stipulat, jenħtieġ li dak il-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jinforma lill-fornitur ta’ servizzi tal-media jekk ikunx biħsiebu jipproċedi bis-sospensjoni tal-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tiegħu b’rabta mal-kontenut provdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media jew bir-restrizzjoni tal-viżibilità ta’ dan il-kontenut. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligi ta’ fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna li jieħdu miżuri kontra kontenut illegali disseminat permezz tas-servizzi tagħhom, li jieħdu miżuri sabiex jivvalutaw u jtaffu r-riskji sistemiċi maħluqa mis-servizzi tagħhom, pereżempju permezz ta’ diżinformazzjoni, jew li jieħdu miżuri biex jipproteġu lill-minorenni. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-ebda parti minn dan ir-Regolament ma tiġi interpretata bħala li tiddevja mill-obbligi tal-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna skont l-Artikoli 28, 34 u 35 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-Artikolu 28b tad-Direttiva 2010/13/UE.

(52)

Fid-dawl ta’ impatt pożittiv mistenni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-libertà tal-espressjoni, hu ġustifikat li meta l-fornituri ta’ servizzi tal-media jikkonformaw ma’ ċerti standards regolatorji, koregolatorji, jew awtoregolatorji, l-ilmenti tagħhom kontra deċiżjonijiet ta’ fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiġu trattati bi prijorità u mingħajr dewmien żejjed.

(53)

Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna li jipprovdu aċċess għal kontenut tal-media jipprovdu funzjonalità fuq l-interfaċċa online tagħhom biex il-fornituri ta’ servizzi tal-media jkunu jistgħu jiddikjaraw li jissodisfaw ċerti rekwiżiti, filwaqt li fl-istess ħin iżommu l-possibbiltà li jirrifjutaw tali awtodikjarazzjonijiet meta jkun jidhrilhom li dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux ġew issodisfati. Meta fornitur ta’ servizzi tal-media jiddikjara lilu nnifsu konformi mar-rekwiżiti regolatorji jew ma’ mekkaniżmu koregolatorju jew awtoregolatorju, jenħtieġ li hu jkun jista’ jipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità jew tal-korp regolatorju nazzjonali rilevanti jew tar-rappreżentanti tal-mekkaniżmu koregolatorju jew awtoregolatorju, inkluż dawk ipprovduti minn assoċjazzjonijiet professjonali rikonoxxuti b’mod mifrux li jirrappreżentaw settur partikolari u li joperaw fuq livell tal-Unjoni jew nazzjonali. Meta jkun hemm dubju raġonevoli, dik l-informazzjoni tippermetti lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jikkonferma ma’ dawk l-awtoritajiet jew il-korpi jekk il-fornitur ta’ servizzi tal-media jkunx soġġett għal dawn ir-rekwiżiti jew il-mekkaniżmi. Fejn rilevanti, jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jiddependu fuq l-informazzjoni dwar l-aderenza ma’ dawk ir-rekwiżiti, bħall-istandard li jinqara minn magna tal-Journalism Trust Initiative, żviluppata taħt il-patroċinju tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, jew kodiċijiet ta’ kondotta rilevanti oħra. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-verifika tal-fatti u organizzazzjonijiet professjonali rilevanti oħra li jirrikonoxxu l-integrità tas-sorsi tal-media abbażi tal-istandards miftiehma mal-industrija tal-media jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jindikaw lill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna kwalunkwe kwistjoni potenzjali rigward il-konformità mill-fornituri ta’ servizzi tal-media mar-rekwiżiti rilevanti għall-awtodikjarazzjoni. Il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni jkunu kruċjali biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni effettiva ta’ din il-funzjonalità. Jenħtieġ li dawk il-linji gwida jikkontribwixxu għall-minimizzazzjoni tar-riskju ta’ abbuż potenzjali tal-funzjonalità, b’mod partikolari mill-fornituri tas-servizzi tal-media li jinvolvu ruħhom b’mod sistematiku fid-diżinformazzjoni, fil-manipulazzjoni tal-informazzjoni u fl-interferenza, inkluż dawk ikkontrollati minn ċerti pajjiżi terzi, filwaqt li jitqiesu l-kriterji li għandhom jiġu żviluppati mill-Bord fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi tal-media minn barra l-Unjoni. Għal dak l-għan, dawk il-linji gwida jistgħu jkopru arranġamenti relatati mal-involviment ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet tal-verifika tal-fatti, fir-rieżami tad-dikjarazzjonijiet jew mal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali jew korpi koregolatorji jew awtoregolatorji.

(54)

Dan ir-Regolament jagħraf l-importanza ta’ mekkaniżmi koregolatorji u awtoregolatorji fil-kuntest tal-forniment tas-servizzi tal-media fuq il-pjattaformi online kbar ħafna. Tali mekkaniżmi jirrappreżentaw tip ta’ inizjattiva volontarja, pereżempju fil-forma ta’ kodiċijiet ta’ kondotta, biex il-fornituri ta’ servizzi tal-media jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu jistgħu jadottaw linji gwida komuni, inkluż dwar standards etiċi, il-korrezzjoni tal-iżbalji, jew il-ġestjoni tal-ilmenti, bejniethom u għalihom infushom. Awtoregolamentazzjoni tal-media robusta, inklużiva u aċċettata b’mod mifrux tirrappreżenta garanzija effettiva tal-kwalità u tal-professjonaliżmu tas-servizzi tal-media u hija essenzjali biex tiġi ssalvagwardjata l-integrità editorjali.

(55)

Jenħtieġ li l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jidħlu fi djalogu ma’ fornituri ta’ servizzi tal-media li jirrispettaw l-istandards tal-kredibbiltà u tat-trasparenza u li jidhrilhom li ripetutament ikunu qed jiġu imposti restrizzjonijiet jew sospensjonijiet fuq il-kontenut tagħhom mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna mingħajr raġunijiet suffiċjenti, biex tinstab soluzzjoni amikevoli biex tintemm kwalunkwe restrizzjoni jew sospensjoni mhux ġustifikata u biex dawn jiġu evitati fil-futur. Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jenħtieġ li jinvolvu ruħhom fi djalogi bħal dawn in bona fide, u jagħtu attenzjoni partikolari lis-salvagwardja tal-libertà tal-media u tal-libertà tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-Bord jinforma lill-Kummissjoni bl-opinjonijiet tiegħu dwar l-eżitu ta’ tali djalogi. Il-Kummissjoni tista’ tqis tali opinjonijiet fil-kuntest tal-infurzar tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(56)

Filwaqt li jibni fuq ir-rwol utli tal-ERGA fil-monitoraġġ tal-konformità mill-firmatarji tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, jenħtieġ li l-Bord jorganizza, mill-inqas kull sena, djalogu strutturat bejn il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ir-rappreżentanti tal-fornituri ta’ servizzi tal-media u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jitrawwem l-aċċess għal offerti varji tal-media indipendenti fuq il-pjattaformi online kbar ħafna, jiġu diskussi l-esperjenza u l-aħjar prattiki relatati mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-proċessi ta’ moderazzjoni mill-pjattaformi online kbar ħafna, u tiġi monitorjata l-aderenza mal-inizjattivi awtoregolatorji maħsuba biex jipproteġu l-utenti minn kontenut ta’ ħsara, inkluż dawk maħsuba biex jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni. Meta rilevanti, il-Kummissjoni tista’ teżamina r-rapporti dwar ir-riżultati ta’ dawn id-djalogi strutturati meta tkun qed tivvaluta kwistjonijiet sistemiċi u emerġenti madwar l-Unjoni bħala parti mill-infurzar tagħha tar-Regolament (UE) 2022/2065 u tista’ titlob lill-Bord jappoġġaha għal dak il-għan.

(57)

Jenħtieġ li r-riċevituri tas-servizzi tal-media li jipprovdu programmi jkunu jistgħu jagħżlu b’mod effettiv il-kontenut li jixtiequ jaraw jew jisimgħu skont il-preferenzi tagħhom. Madankollu, il-libertà tagħhom li jagħżlu l-kontenut tista’ tiġi ristretta minn prattiki kummerċjali fis-settur tal-media, bħal ftehimiet għall-prijoritizzazzjoni tal-kontenut bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-media u l-manifatturi tal-apparati jew il-fornituri tal-interfaċċi tal-utent li jikkontrollaw jew jimmaniġġaw l-aċċess għas-servizzi tal-media li jipprovdu programmi u l-użu tagħhom, bħal televixins konnessi jew sistemi tal-awdjo tal-karozzi. Il-prijoritizzazzjoni tista’ tiġi implimentata, pereżempju, fuq l-iskrin ewlieni ta’ apparat, b’settings ta’ hardware jew b’shortcuts ta’ software, applikazzjonijiet u spazji tat-tiftix, li għandhom implikazzjonijiet fuq l-imġiba tar-riċevituri, li jistgħu ikunu inċentivati b’mod mhux xieraq biex jagħżlu ċerti offerti tal-media minflok oħrajn. L-għażla tal-utent tista’ tkun limitata wkoll minn ċirkwiti magħluqa ta’ applikazzjonijiet installati minn qabel. Jenħtieġ li l-utenti jkunu jistgħu jibdlu, fi kwalunkwe mument, b’mod sempliċi, faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent, il-konfigurazzjoni, inkluż is-settings prestabbiliti, ta’ apparat, pereżempju remote control, jew ta’ interfaċċa tal-utent li tikkontrolla jew timmaniġġa l-aċċess għal servizzi tal-media li jipprovdu programmi u l-użu tagħhom. Jenħtieġ li dak jinftiehem bħala li jkopri l-karatteristiċi kollha ta’ personalizzazzjoni tal-apparati jew tal-interfaċċi tal-utent li jorjentaw jew jiggwidaw lill-utenti fl-għażliet tagħhom fir-rigward tas-servizzi tal-media jew tal-kontenut li jixtiequ jaċċessaw u li jippermettilhom isibu jew jiskopru tali servizzi jew kontenut, filwaqt li jitqies l-għan ta’ aċċess ġust għas-servizzi tal-media fid-diversità kollha tagħhom, kemm mill-perspettiva tal-utenti kif ukoll minn dik tal-fornituri ta’ servizzi tal-media. Jenħtieġ li dak id-dritt ma jestendix għal oġġetti individwali, bħal programmi, f’katalgu ta’ servizzi fuq talba u huwa mingħajr preġudizzju għall-miżuri maħsuba biex jiżguraw il-prominenza xierqa tas-servizzi tal-media awdjoviżiva ta’ interess ġenerali li jimplimentaw l-Artikolu 7a tad-Direttiva 2010/13/UE kif ukoll dawk li jimplimentaw l-Artikolu 7b ta’ dik id-Direttiva, meħuda b’kunsiderazzjonijiet leġittimi tal-ordni pubbliku. Meta jkunu qed iqiegħdu l-prodotti rilevanti tagħhom fis-suq, jenħtieġ li l-manifatturi, l-iżviluppaturi u l-importaturi jkunu jistgħu juru kemm il-funzjonalità meħtieġa tkun effettivament faċli għall-utent. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw, permezz ta’ miżuri xierqa, li l-apparati u l-interfaċċi mqiegħda fis-suq tagħhom mill-atturi rilevanti tas-suq jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti stipulati f’dan ir-Regolament. Dak jista’ jinkiseb bil-monitoraġġ tal-applikazzjoni u l-effettività tal-azzjonijiet meħuda minn dawn l-atturi tas-suq.

(58)

L-identitajiet viżwali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media jikkonsistu f’marki, logos, trademarks jew karatteristiċi oħra u jippermettu lir-riċevituri tas-servizzi tal-media li jipprovdu programmi jiddeterminaw faċilment min jerfa’ r-responsabbiltà editorjali għas-servizz. L-identitajiet viżwali huma wkoll assi kompetittiv ewlieni għall-fornituri ta’ servizzi tal-media, li jippermettulhom jiddifferenzjaw l-offerta tal-media tagħhom fis-suq. Għalhekk, huwa importanti li l-identitajiet viżwali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media li jipprovdu programmi jiġu ppreservati meta l-utenti jaċċessaw is-servizzi tal-media tagħhom permezz ta’ apparati u interfaċċi tal-utent differenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-manifatturi, l-iżviluppaturi u l-importaturi tal-apparati u tal-interfaċċi tal-utent jiżguraw li dawn l-identitajiet viżwali kif ipprovduti minn dawn il-fornituri ta’ servizzi tal-media ma jitneħħewx jew ma jiġux modifikati.

(59)

Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fil-forniment ta’ servizzi varji tal-media li jipprovdu programmi fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi fis-suq intern u biex jiġi żgurat aċċess ġust għas-servizzi tal-media fid-diversità kollha tagħhom, jeħtieġ li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ standards tekniċi komuni u armonizzati għall-apparati u għall-interfaċċi tal-utent li jikkontrollaw jew jimmaniġġaw l-aċċess għal u l-użu ta’ servizzi tal-media li jipprovdu programmi jew sinjali diġitali li jwasslu l-kontenut mis-sors sad-destinazzjoni. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġu evitati standards tekniċi diverġenti li joħolqu ostakli u kostijiet addizzjonali għall-industrija u għall-konsumaturi, filwaqt li jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet li jimplimentaw l-obbligi eżistenti dwar is-servizzi tal-media.

(60)

Miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi differenti jistgħu jiġu ġġustifikati u jwasslu għall-pluraliżmu tal-media. Madankollu, xi miżuri jistgħu jfixklu l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tal-media jew jagħmluh inqas attraenti, għad-detriment tal-pluraliżmu tal-media jew tal-indipendenza editorjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media li joperaw fis-suq intern. Dawn il-miżuri jistgħu jieħdu diversi forom, pereżempju regoli li jillimitaw is-sjieda tal-impriżi tal-media minn impriżi oħra attivi fis-settur tal-media jew f’setturi mhux relatati mal-media. Dawn jinkludu wkoll deċiżjonijiet relatati mal-liċenzjar, bħal deċiżjonijiet li jirrevokaw il-liċenzji tal-fornituri ta’ servizzi tal-media jew li jagħmluha aktar diffiċli biex dawn jiġġeddu, u deċiżjonijiet relatati mal-awtorizzazzjoni jew in-notifika minn qabel tal-fornituri ta’ servizzi tal-media. Biex jittaffa l-impatt negattiv potenzjali tagħhom fuq il-pluraliżmu tal-media jew l-indipendenza editorjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media li joperaw fis-suq intern u tissaħħaħ iċ-ċertezza legali fis-suq intern għas-servizzi tal-media, huwa importanti li dawn il-miżuri jikkonformaw mal-prinċipji ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità. Jenħtieġ li miżuri amministrattivi li jistgħu jaffettwaw il-pluraliżmu tal-media jew l-indipendenza editorjali jiġu adottati f’perjodi ta’ żmien prevedibbli. Jenħtieġ li dawn il-perjodi ta’ żmien ikunu twal biżżejjed biex tiġi żgurata valutazzjoni adegwata tal-miżuri u l-konsegwenzi prevedibbli tagħhom mill-fornituri ta’ servizzi tal-media. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-media li jkunu affettwati individwalment u direttament minn miżuri regolatorji jew amministrattivi jkollhom id-dritt li jappellaw tali miżuri quddiem korp tal-appell indipendenti. Jekk il-korp tal-appell ma jkunx qorti, jenħtieġ li jkollu r-riżorsi adegwati meħtieġa għall-funzjonament effettiv tiegħu.

(61)

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat u l-miżuri nazzjonali meħuda f’konformità ma’ dawn ir-regoli, huwa kruċjali li l-Bord, meta l-miżuri regolatorji jew amministrattivi nazzjonali x’aktarx jaffettwaw b’mod sinifikanti l-operat tal-fornituri ta’ servizzi tal-media fis-suq intern, ikollu s-setgħa li jagħti opinjonijiet. Jenħtieġ li l-opinjonijiet tal-Bord jiffukaw fuq miżuri nazzjonali li jkollhom il-potenzjal li jfixklu l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi tal-media fis-suq intern, pereżempju billi jipprevjenu jew jostakolaw l-operat tagħhom b’tali mod li l-forniment tas-servizzi tal-media tagħhom f’suq partikolari jiddgħajjef serjament. Dak jista’ jkun il-każ meta miżura amministrattiva nazzjonali tkun indirizzata speċifikament lil fornitur ta’ servizzi tal-media li jipprovdi s-servizzi tiegħu lil aktar minn Stat Membru wieħed jew meta tikkonċerna fornitur ta’ servizzi tal-media li, minħabba, fost l-oħrajn, l-ishma mis-suq, l-udjenza li jilħaq jew il-livell ta’ ċirkolazzjoni tiegħu, ikollu influwenza sinifikanti fuq il-formazzjoni tal-opinjoni pubblika f’dak l-Istat Membru, u tipprevjeni lil dak il-fornitur ta’ servizzi tal-media milli jopera b’mod effettiv f’suq partikolari jew milli jidħol f’wieħed ġdid. Il-Bord jista’ jagħti opinjonijiet bħal dawn fuq inizjattiva tiegħu stess u jenħtieġ li jagħti tali opinjonijiet fuq talba tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Bord wkoll jagħti opinjonijiet dwar miżuri bħal dawn fuq talba tal-fornituri ta’ servizzi tal-media affettwati individwalment u direttament. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-fornitur ta’ servizzi tal-media kkonċernat jippreżenta talba debitament ġustifikata u motivata lill-Bord. Jenħtieġ li, fit-talba tiegħu, il-fornitur ta’ servizzi tal-media kkonċernat jindika, b’mod partikolari, jekk ikunx diġà eżawrixxa r-rimedji nazzjonali kollha li jkunu disponibbli billi jikkontesta l-miżuri kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali jew awtoritajiet jew korpi nazzjonali kompetenti oħra u t-tip ta’ deċiżjoni jew deċiżjonijiet li tirriżulta/jirriżultaw minn dan. Jenħtieġ li t-talba tindika r-raġunijiet li għalihom il-fornitur ta’ servizzi tal-media kkonċernat iqis li l-miżura/i kkontestata/i taffettwa/jaffettwaw b’mod sinifikanti l-operat tiegħu fis-suq intern, u r-raġunijiet li għalihom iqis li tali miżura jew miżuri taffettwa/jaffettwaw direttament u individwalment is-sitwazzjoni legali tiegħu.

(62)

Il-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media jiġu vvalutati b’mod differenti madwar l-Unjoni minn perspettiva tal-pluraliżmu tal-media. Ir-regoli u l-proċeduri marbuta mal-valutazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-suq tal-media jvarjaw madwar l-Unjoni. Xi Stati Membri jiddependu biss fuq valutazzjonijiet tal-kompetizzjoni, filwaqt li oħrajn għandhom oqfsa ddedikati għal valutazzjonijiet speċifiċi tal-konċentrazzjonijiet mill-perspettiva tal-pluraliżmu tal-media. F’dan l-aħħar każ, hemm differenzi konsiderevoli. F’xi każijiet, it-tranżazzjonijiet kollha tal-media jiġu skrutinizzati, irrispettivament minn jekk jilħqux ċerti limiti, filwaqt li f’każijiet oħra valutazzjoni titwettaq biss meta jinqabżu limiti speċifiċi jew jintlaħqu ċerti kriterji kwalitattivi. Pereżempju, għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni, xi Stati Membri japplikaw multiplikaturi tad-dħul sabiex jiżguraw li t-theddid relatat mal-kompetizzjoni ma jgħaddix mingħajr ma jinqabad u jitqiegħed taħt skrutinju anki meta l-istabbilimenti involuti jkollhom dħul baxx. Fejn ikun hemm dan it-theddid, ikun hemm ukoll differenzi fil-proċeduri applikabbli għall-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet tas-suq għall-finijiet tal-pluraliżmu tal-media. Dak l-iskrutinju spiss jitwettaq b’mod indipendenti mir-regolatur tal-media permezz ta’ valutazzjoni awtonoma jew mill-awtorità kompetenti bl-involviment tar-regolatur tal-media permezz ta’ opinjoni, li tista’ tkun kontribut awtonomu jew tieħu l-forma ta’ fehmiet jew kummenti bil-miktub fil-kuntest ta’ valutazzjoni li tkun qed issir. Ċerti regoli nazzjonali jippermettu lill-ministeri jew lill-korpi governattivi jintervjenu fl-iskrutinju tas-swieq tal-media għal raġunijiet mhux ekonomiċi, li jvarjaw mill-protezzjoni tal-pluraliżmu tal-media għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika jew interessi ġenerali oħra.

(63)

Id-diverġenza u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn ir-regoli u l-proċeduri tal-Istati Membri applikabbli għall-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media jistgħu jirriżultaw f’inċertezza legali u f’piżijiet regolatorji, amministrattivi jew ekonomiċi għall-impriżi tal-media li jixtiequ joperaw fuq livell transfruntier, u b’hekk ixekklu l-kompetizzjoni fis-suq intern għas-servizzi tal-media. F’xi każijiet, il-miżuri nazzjonali fil-qasam jistgħu effettivament jipprevjenu lil impriża tal-media stabbilita fl-Unjoni milli tidħol f’suq nazzjonali ieħor, mingħajr ma jkunu ġenwinament immirati lejn il-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media (17). Fl-aħħar mill-aħħar, minflok ma tinkiseb pluralità akbar tal-media, dak jista’ jsaħħaħ id-dinamika oligopolistika fis-suq tal-media. Sabiex jitnaqqsu l-ostakli li jxekklu l-kapaċità tal-fornituri ta’ servizzi tal-media milli joperaw fis-suq intern, huwa importanti li dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media madwar l-Unjoni.

(64)

Il-media taqdi rwol deċiżiv fit-tiswir tal-opinjoni pubblika u fl-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini li tkun rilevanti għal parteċipazzjoni attiva fil-proċessi demokratiċi. Din hi r-raġuni għalfejn jenħtieġ li l-Istati Membri, indipendentement mill-valutazzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni, jipprevedu regoli u proċeduri fil-liġi nazzjonali biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-pluraliżmu tal-media jinftiehem bħala l-possibbiltà li jkun hemm aċċess għal varjetà ta’ servizzi tal-media u kontenut tal-media li jirriflettu opinjonijiet, vuċijiet u analiżijiet differenti. Ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali jista’ jkollhom impatt fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-media fis-suq intern u jenħtieġ li jitfasslu sew u jkunu trasparenti, oġġettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji. Il-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media soġġetti għal dawn ir-regoli jenħtieġ li jinftiehmu bħala li jkopru dawk li jistgħu jwasslu biex entità waħda tikkontrolla jew ikollha interessi sinifikanti fis-suq ikkonċernat u għalhekk ikollha influwenza sostanzjali fuq it-tiswir tal-opinjoni pubblika f’suq tal-media partikolari fi Stat Membru wieħed jew aktar. Kriterju importanti li jrid jitqies huwa t-tnaqqis tal-fehmiet kompetittivi f’dak is-suq bħala riżultat tal-konċentrazzjoni tas-suq tal-media.

(65)

L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali, li għandhom għarfien espert speċifiku fil-qasam tal-pluraliżmu tal-media, jenħtieġ li jkunu involuti fil-valutazzjoni tal-impatt tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali meta dawn ma jkunux l-awtoritajiet jew il-korpi maħtura nfushom. Jenħtieġ li l-involviment ta’ dawk l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali ikun sostanzjali, pereżempju billi jiġi żgurat li l-fehmiet tagħhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-kompetizzjoni. Sabiex titrawwem iċ-ċertezza legali u jiġi żgurat li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali li jippermettu li ssir valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali ġenwinament ikollhom l-għan li jipproteġu l-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti minn qabel kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati biex jiġi nnotifikat u vvalutat l-impatt tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media fuq il-pluraliżmu tal-media u fuq l-indipendenza editorjali.

(66)

Meta konċentrazzjoni tas-suq tal-media tikkostitwixxi konċentrazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kwalunkwe regola u proċedura adottata mill-Istati Membri abbażi ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li ma tkunx taffettwa l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u jenħtieġ li tkun distinta minnha. Għalhekk, kwalunkwe miżura li tittieħed mill-awtoritajiet jew mill-korpi regolatorji nazzjonali maħtura jew l-awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali involuti abbażi tal-valutazzjoni tagħha tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali jenħtieġ li jkollha l-għan li tipproteġi l-interessi leġittimi skont it-tifsira tal-Artikolu 21(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u jenħtieġ li tkun konformi mal-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għal regoli nazzjonali aktar dettaljati li japplikaw għall-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media u li jseħħu, b’mod partikolari, fil-livell reġjonali jew lokali.

(67)

Jenħtieġ li l-Bord jingħata s-setgħa li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ valutazzjonijiet mill-awtoritajiet jew mill-korpi regolatorji nazzjonali maħtura jew dwar abbozzi ta’ opinjonijiet mill-awtoritajiet jew mill-korpi regolatorji nazzjonali involuti, meta l-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media x’aktarx jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media. Dak ikun il-każ, pereżempju, meta dawn il-konċentrazzjonijiet jinvolvu akkwiżizzjonijiet minn jew ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor jew li topera fuq livell transfruntier jew iwasslu biex il-fornituri ta’ servizzi tal-media jkollhom influwenza sinifikanti fuq it-tiswir tal-opinjoni pubblika f’suq tal-media partikolari b’effetti potenzjali fuq l-udjenzi fis-suq intern. Meta konċentrazzjoni tas-suq tal-media ma tkunx ġiet jew ma setgħetx tiġi vvalutata għall-impatt tagħha fuq il-pluraliżmu tal-media u fuq l-indipendenza editorjali mill-awtoritajiet jew mill-korpi rilevanti fil-livell nazzjonali jew meta l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali ma jkunux ikkonsultaw lill-Bord dwar konċentrazzjoni tas-suq tal-media li titqies li x’aktarx taffettwa l-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi tal-media, il-Bord jista’ jagħti opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess u jenħtieġ li jagħti opinjoni fuq talba mill-Kummissjoni. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm il-possibbiltà li tagħti l-opinjonijiet tagħha stess.

(68)

Bil-ħsieb li jiġu żgurati swieq tal-media pluralistiċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali u l-Bord iqisu l-elementi provduti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtoritajiet jew korpi nazzjonali u l-Bord iqisu l-impatt mistenni li l-konċentrazzjonijiet tas-swieq tal-media għandhom fuq il-pluraliżmu tal-media, inkluż, b’mod partikolari, l-effett li għandhom fuq it-tiswir tal-opinjoni pubblika, b’kont meħud tal-ambjent online. F’dak ir-rigward u b’mod partikolari fejn ikun rilevanti biex jiġi vvalutat l-impatt possibbli li għandhom fuq il-formazzjoni tal-opinjoni pubblika fil-partijiet sinifikanti ta’ suq tal-media partikolari, l-awtoritajiet jew korpi nazzjonali u l-Bord jeħtieġ li jqisu l-firxa ġeografika tal-entitajiet involuti fil-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media. Fl-istess ħin, jenħtieġ li huma iqisu jekk stabbilimenti oħra tal-media li jipprovdu kontenut differenti u alternattiv jibqgħux jeżistu flimkien fis-suq jew swieq ikkonċernati jekk il-konċentrazzjoni tas-suq tal-media inkwistjoni hija implimentata. Meta jevalwaw is-salvagwardji għall-indipendenza editorjali, jenħtieġ li l-awtoritajiet jew korpi nazzjonali u l-Bord jeżaminaw ir-riskji potenzjali ta’ interferenza indebita mis-sid prospettiv, mill-maniġment jew mill-istruttura ta’ governanza fid-deċiżjonijiet editorjali tal-entità akkwiżita jew fuża. L-awtoritajiet jew korpi nazzjonali u l-Bord jenħtieġ li jqisu wkoll is-salvagwardji interni eżistenti jew previsti mmirati lejn il-preservazzjoni tal-istandards etiċi u professjonali kif ukoll tal-indipendenza tad-deċiżjonijiet editorjali meħuda fi ħdan l-impriżi tal-media involuti. Fil-valutazzjoni tal-impatti potenzjali tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali, jenħtieġ li l-awtoritajiet jew korpi nazzjonali u l-Bord jitqiesu wkoll l-effett tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-sostenibbiltà ekonomika tal-entità jew tal-entitajiet involuti fil-konċentrazzjoni. Jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll jekk, fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni, l-entità jew entitajiet involuti fil-konċentrazzjoni jkunux ekonomikament sostenibbli, jiġifieri jekk, fuq perjodu ta’ żmien medju, ikunux jistgħu jkomplu jipprovdu u jiżviluppaw aktar fis-suq servizzi tal-media ta’ kwalità li jkunu finanzjarjament vijabbli, teknoloġikament adattati u jkollhom riżorsi adegwati. Meta jkun applikabbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet jew korpi nazzjonali u l-Bord iqisu wkoll l-impenji li kwalunkwe waħda mill-partijiet involuti tista’ toffri biex tiżgura li l-konċentrazzjoni rilevanti tas-suq tal-media tiggarantixxi l-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali. Meta jkun rilevanti, l-awtorijiet jew korpi nazzjonali fil-valutazzjonijiet tagħhom u l-Bord fl-opinjonijiet tiegħu jenħtieġ li jqisu s-sejbiet tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt relatati mal-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media.

(69)

Il-kejl tal-udjenzi jħalli impatt dirett fuq l-allokazzjoni u fuq il-prezzijiet tar-reklamar, li jirrappreżenta sors ewlieni tad-dħul tas-settur tal-media. Huwa għodda kruċjali biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-kontenut tal-media u biex jiġu mifhuma l-preferenzi tal-udjenzi sabiex tiġi ppjanata l-produzzjoni futura tal-kontenut. Għaldaqstant, l-atturi tas-suq tal-media, b’mod partikolari l-fornituri ta’ servizzi tal-media u r-reklamaturi, jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq data oġġettiva u komparabbli dwar l-udjenzi, imsejsa fuq soluzzjonijiet trasparenti, imparzjali u verifikabbli tal-kejl tal-udjenzi. Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-kejl tal-udjenzi jitwettaq f’konformità mal-mekkaniżmi awtoregolatorji tal-industrija li jkunu aċċettati b’mod mifrux. Madankollu, ċerti atturi ġodda li tfaċċaw fl-ekosistema tal-media, bħall-pjattaformi online, ma jirrispettawx l-istandards jew l-aħjar prattiki tal-industrija miftiehma permezz ta’ mekkaniżmi awtoregolatorji rilevanti tal-industrija u jipprovdu s-servizzi proprjetarji ta’ kejl tagħhom mingħajr ma jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar il-metodoloġiji tagħhom. Dak jista’ jirriżulta f’soluzzjonijiet ta’ kejl tal-udjenzi li ma jkunux komparabbli, f’asimmetriji fl-informazzjoni fost l-atturi tas-suq tal-media u f’distorsjonijiet potenzjali tas-suq, għad-detriment tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet għall-fornituri ta’ servizzi tal-media fis-suq. Għalhekk, huwa importanti li s-sistemi u l-metodoloġiji ta’ kejl tal-udjenzi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jiżguraw livell xieraq ta’ trasparenza, imparzjalità, inklużività, proporzjonalità, nondiskriminazzjoni, komparabbiltà u verifikabbiltà.

(70)

L-atturi rilevanti tas-suq tradizzjonalment qablu dwar sett ta’ metodoloġiji ta’ kejl sabiex iwettqu l-kejl tal-udjenzi b’mod trasparenti u affidabbli u jiżviluppaw parametri referenzjarji imparzjali u affidabbli li għandhom jintużaw meta tkun qed tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-kontenut tal-media u tar-reklamar. Dawk il-metodoloġiji ta’ kejl huma riflessi fl-istandards u l-aħjar prattiki rilevanti tal-industrija jew huma organizzati u kkonsolidati minn korpi awtoregolatorji, bħall-Kumitati Konġunti tal-Industrija, li huma stabbiliti f’diversi Stati Membri u li jlaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha li joperaw fl-industrija tal-media u tar-reklamar. Biex jittejbu l-verifikabbiltà, l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-metodoloġiji tal-kejl tal-udjenzi, b’mod partikolari online, jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi tat-trasparenza għall-fornituri ta’ sistemi ta’ kejl proprjetarju tal-udjenzi li ma jimxux mal-istandards u l-aħjar prattiki rilevanti tal-industrija jew li ma jikkonformawx mal-parametri referenzjarji tal-industrija miftiehma fi ħdan il-korpi awtoregolatorji rilevanti. Skont dawk l-obbligi, jenħtieġ li dawk l-atturi jipprovdu lir-reklamaturi u lill-fornituri ta’ servizzi tal-media jew lill-partijiet li jaġixxu f’isimhom, informazzjoni li tiddeskrivi l-metodoloġiji użati għall-kejl tal-udjenzi, meta jintalbu jagħmlu dan u sa fejn ikun possibbli. Din l-informazzjoni tista’ tikkonsisti fl-għoti ta’ elementi bħad-daqs tal-kampjun imkejjel, id-definizzjoni tal-indikaturi mkejla, il-metrika, il-metodi tal-kejl, il-perjodu tal-kejl, il-kopertura tal-kejl u l-marġni ta’ errur. Sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ effettività ta’ dawk l-obbligi ta’ trasparenza u titrawwem il-fiduċja fis-sistemi ta’ kejl proprjetarju tal-udjenzi, jenħtieġ li l-metodoloġiji u l-modi kif inhuma applikati jkunu soġġetti għal awditi indipendenti kull sena. Barra minn hekk, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu kundizzjonijiet ekwi u jitrawmu ċ-ċarezza u l-kontestabbiltà tal-informazzjoni rilevanti li tingħata lis-suq, huwa kruċjali wkoll li r-riżultati tal-kejl tal-udjenzi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-media jkunu jistgħu jitolbu lill-fornituri ta’ sistemi ta’ kejl proprjetarju tal-udjenzi tal-udjenzi biex jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kejl tal-udjenzi fir-rigward tal-kontenut u tas-servizzi tal-media tagħhom stess. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-fornituri ta’ sistemi ta’ kejl proprjetarju tal-udjenzi jiżguraw li dik l-informazzjoni tiġi pprovduta f’forma standard tal-industrija, tinkludi d-data mhux aggregata rilevanti, tkun ta’ kwalità għolja u hija dettaljata biżżejjed biex il-fornituri ta’ servizzi tal-media li jkunu għamlu t-talba jkunu jistgħu jwettqu valutazzjoni effettiva u sinifikattiva tal-firxa u l-prestazzjoni tal-kontenut u tas-servizzi tal-media tagħhom. Il-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza u l-kontestabbiltà tas-sistemi ta’ kejl proprjetarju tal-udjenzi jenħtieġ li tiġi rikonċiljata mal-libertà tal-fornituri tas-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi li jiżviluppaw is-sistemi ta’ kejl tagħhom stess bħala parti mil-libertà ta’ intrapriża tagħhom. B’mod partikolari, l-obbligi ta’ trasparenza imposti fuq il-fornituri tas-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tal-fornituri ta’ sistemi tal-kejl tal-udjenzi kif definit fid-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). L-obbligi imposti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu wkoll mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu li japplika għall-fornituri ta’ sistemi tal-kejl tal-udjenzi skont ir-Regolament (UE) 2019/1150 jew ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), inkluż dawk li jikkonċernaw il-klassifikar, l-awtopreferenzjar jew l-għoti ta’ aċċess għal għodod tal-kejl tal-prestazzjoni u d-data rilevanti.

(71)

Il-kodiċijiet ta’ kondotta, imfassla mill-fornituri ta’ sistemi ta’ kejl tal-udjenzi jew mill-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, flimkien mal-fornituri ta’ servizzi tal-media u l-fornituri ta’ pjattaformi online, kif ukoll l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra, jistgħu jikkontribwixxu għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, u għalhekk jenħtieġ li jiġu mħeġġa. Il-mekkaniżmi awtoregolatorji rikonoxxuti b’mod mifrux fl-industrija tal-media diġà ntużaw biex jitrawmu standards ta’ kwalità għolja fil-qasam tal-kejl tal-udjenzi, u fl-istess ħin jiżguraw l-imparzjalità tal-kejl u l-komparabbiltà tar-riżultati. L-iżvilupp ulterjuri tagħhom jista’ jitqies bħala għodda effettiva biex l-industrija tilħaq qbil dwar is-soluzzjonijiet prattiċi meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità tas-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi u tal-metodoloġiji tagħhom mal-prinċipji ta’ trasparenza, l-imparzjalità, l-inklużività, il-proporzjonalità, in-nondiskriminazzjoni, il-komparabbiltà u l-verifikabbiltà. Meta jkunu qed jitfasslu dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u b’mod partikolari mal-fornituri ta’ servizzi tal-media u l-fornituri ta’ pjattaformi online, tista’ titqies, b’mod partikolari, id-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tas-settur tal-media u l-ħtieġa li s-soluzzjonijiet differenti tal-kejl tal-udjenzi disponibbli fis-suq isiru dejjem aktar komparabbli. Fil-fatt, il-komparabbiltà tar-riżultati tal-kejl tal-udjenzi hija kruċjali biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi fost l-atturi tas-suq tal-media peress li tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi tal-media u lir-reklamaturi jkejlu aħjar is-suċċess tal-offerta tagħhom, li l-utenti qed jikkunsmaw dejjem aktar fuq apparati u pjattaformi differenti. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-atturi rilevanti tal-industrija jiġu mħeġġa jagħmlu użu minn kodiċijiet ta’ kondotta u mekkaniżmi awtoregolatorji oħra biex irawmu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-kejl tal-udjenzi li jkunu komparabbli bejn media u pjattaformi differenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta jrawmu wkoll l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet li jiżguraw il-kejl xieraq tal-udjenzi ta’ fornituri żgħar ta’ servizzi tal-media.

(72)

Il-fondi pubbliċi allokati għar-reklamar mill-istat u kuntratti ta’ provvista jew ta’ servizz huma sors importanti tad-dħul għal ħafna fornituri ta’ servizzi tal-media u fornituri ta’ pjattaformi online, u dan jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ekonomika tagħhom. Sabiex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs fis-suq intern, l-aċċess għal tali fondi jenħtieġ li jingħata b’mod nondiskriminatorju lil kwalunkwe fornitur ta’ servizzi tal-media jew fornitur ta’ pjattaforma online minn kwalunkwe Stat Membru li jista’ jilħaq b’mod adegwat xi wħud mill-membri tal-pubbliku rilevanti tiegħu jew lill-membri tal-pubbliku rilevanti kollha tiegħu. Barra minn hekk, il-fondi pubbliċi allokati għar-reklamar mill-istat u kuntratti ta’ provvista jew ta’ servizz jistgħu jagħmlu lill-fornituri ta’ servizzi tal-media u lill-fornituri ta’ pjattaformi online vulnerabbli għal influwenza indebita mill-istat jew għal interessi parzjali għad-detriment tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, allokazzjoni mhux trasparenti u preġudikata ta’ tali fondi hija għodda b’saħħitha biex tiġi eżerċitata influwenza fuq il-libertà editorjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media, biex “jiġu approprjati” l-fornituri ta’ servizzi tal-media jew biex dawn il-fornituri jiġu sussidjati bil-moħbi biex jiksbu vantaġġ politiku jew kummerċjali inġust jew kopertura favorevoli. Il-fondi pubbliċi allokati għar-reklamar mill-istat u għall-kuntratti ta’ provvista jew ta’ servizz f’ċerti aspetti huma rregolati permezz ta’ qafas frammentat ta’ miżuri speċifiċi għall-media u ta’ regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, li ma joffrux biżżejjed protezzjoni kontra d-distribuzzjoni preferenzjali jew preġudikata. B’mod partikolari, id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) ma tapplikax għal kuntratti pubbliċi ta’ servizz għall-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal tal-programmi maħsub għal servizzi tal-media awdjoviżiva jew għal servizzi tal-media bir-radju. Ir-regoli speċifiċi għall-media dwar il-fondi pubbliċi allokati għar-reklamar mill-istat u l-kuntratti ta’ provvista jew ta’ servizz, fejn jeżistu, ivarjaw b’mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor. Dak jista’ joħloq asimmetrija fl-informazzjoni għall-atturi tas-suq tal-media u jkollu impatt negattiv fuq l-attività ekonomika transfruntiera fis-suq intern tas-servizzi l-media. Fuq kollox, jista’ jfixkel il-kompetizzjoni, jiskoraġġixxi l-investiment u jkun ta’ detriment għal kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern tas-servizzi tal-media.

(73)

Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni mhux imxekkla bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-media u l-pjattaformi online u biex jiġi evitat ir-riskju ta’ sussidji bil-moħbi u ta’ influwenza politika indebita fuq il-media, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni ta’ trasparenza, oġġettività, proporzjonalità u nondiskriminazzjoni fl-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi jew riżorsi oħra tal-Istat lill-fornituri ta’ servizzi tal-media u lill-fornituri ta’ pjattaformi online għar-reklamar mill-istat jew għax-xiri ta’ prodotti jew servizzi mingħandhom minbarra r-reklamar mill-Istat, pereżempju, produzzjonijiet awdjoviżivi, data tas-suq u servizzi ta’ konsulenza jew taħriġ. Meta jkun possibbli, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali u lokali tas-swieq tal-media rilevanti, tal-mudelli ta’ governanza nazzjonali u tad-diviżjoni tal-kompetenza bejn il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, l-ammont ta’ riżorsi tal-istat allokati u l-għadd ta’ fornituri potenzjali ta’ servizzi ta’ reklamar rilevanti jew ta’ oġġetti jew servizzi rilevanti minbarra r-reklamar, jenħtieġ li din l-allokazzjoni jkollha l-għan li tiżgura l-pluralità tal-media, b’mod partikolari billi sservi ta’ benefiċċju għal varjetà ta’ fornituri differenti ta’ servizzi tal-media u fornituri differenti ta’ pjattaformi online. Jenħtieġ li din l-allokazzjoni ma tirriżultax f’vantaġġ mhux ġustifikat u sproporzjonat għal ċerti fornituri. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza, huwa importanti li l-kriterji u l-proċeduri użati biex il-fondi pubbliċi jiġu allokati lill-fornituri ta’ servizzi tal-media u lill-fornituri ta’ pjattaformi online għar-reklamar mill-istat u ta’ kuntratti ta’ provvista jew għas-servizzi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku minn qabel b’mezzi elettroniċi u faċli għall-utent. Jenħtieġ li r-rekwiżiti komuni li jirrigwardaw ir-reklamar mill-istat u l-kuntratti ta’ provvista jew ta’ servizzi jkopru l-fondi pubbliċi allokati kemm direttament kif ukoll indirettament, pereżempju permezz ta’ intermedjarji speċjalizzati bħal aġenziji tar-reklamar u fornituri ta’ boroż għall-irkant tar-reklamar. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni biex tiġi ppubblikata l-informazzjoni dwar ir-riċevituri tan-nefqa fuq ir-reklamar mill-istat u l-ammonti minfuqa. Hu importanti li l-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni meħtieġa relatata mar-reklamar mill-istat aċċessibbli għall-pubbliku b’format elettroniku li jkun faċli biex jinqara, jiġi aċċessat u jitniżżel, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali. Jenħtieġ ukoll li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jew l-awtoritajiet jew il-korpi indipendenti u kompetenti l-oħra fl-Istati Membri jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi għar-reklamar mill-istat lill-fornituri ta’ servizzi tal-media u lill-fornituri ta’ pjattaformi online. Meta jintalbu mill-awtoritajiet jew mill-korpi regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet jew korpi oħra independenti kompetenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet u l-entitajiet pubbliċi jipprovdulhom l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jivvalutaw il-kompletezza tal-informazzjoni ppubblikata u l-applikazzjoni tal-kriterji u tal-proċeduri użati għall-allokazzjoni ta’ dawn il-fondi. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat.

(74)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni taċċerta li r-riskji għall-funzjonament tas-suq intern ta’ servizzi tal-media huma monitorjati indipendentement u kontinwament bħala parti mill-isforzi biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media (l-“eżerċizzju ta’ monitoraġġ”). Jenħtieġ li l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ ikollu l-għan li jipprovdi data dettaljata u valutazzjonijiet kwalitattivi, inkluż fir-rigward tal-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq tal-media fil-livell nazzjonali u reġjonali u tar-riskji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ interferenza minn barranin. Jenħtieġ li dan jitwettaq b’mod indipendenti minn entità akkademika speċjalizzata f’kollaborazzjoni ma’ riċerkaturi mill-Istati Membri abbażi ta’ lista robusta ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u salvagwardji metodoloġiċi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Bord, tiżviluppa u taġġorna dik il- lista robusta ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u salvagwardji metodoloġiċi. Minħabba n-natura li qed tevolvi malajr tar-riskji u tal-iżviluppi teknoloġiċi fis-suq intern tas-servizzi tal-media, jenħtieġ li l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ jivvaluta l-vijabbiltà ekonomika prospettiva tas-suq intern tas-servizzi tal-media sabiex joħroġ twissijiet dwar vulnerabbiltajiet fil-pluraliżmu tal-media u fl-indipendenza editorjali u jgħin fl-isforzi biex jittejbu l-governanza, il-kwalità tad-data u l-ġestjoni tar-riskji. Jenħtieġ li l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ ikopri, b’mod partikolari, il-livell ta’ attività u investimenti transfruntieri, kooperazzjoni regolatorja u konverġenza fir-regolamentazzjoni tal-media, l-ostakli għall-forniment tas-servizzi tal-media, inkluż f’ambjent diġitali, il-pożizzjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-media fl-ambjent diġitali, kif ukoll it-trasparenza u l-korrettezza fl-allokazzjoni tar-riżorsi ekonomiċi fis-suq intern għas-servizzi tal-media. Jenħtieġ li l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ jikkunsidra wkoll ix-xejriet usa’ fis-suq intern għas-servizzi tal-media u fis-swieq nazzjonali tal-media u l-liġi nazzjonali li taffettwa lill-fornituri ta’ servizzi tal-media. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ jagħti ħarsa ġenerali lejn il-miżuri li jkunu ttieħdu mill-fornituri ta’ servizzi tal-media bl-għan li jiggarantixxu l-indipendenza tad-deċiżjonijiet editorjali, inkluż dawk proposti fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/1634, u analiżi tal-potenzjal tagħhom li jnaqqsu r-riskji għall-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media. Biex jiġu żgurati l-ogħla standards b’rabta ma’ dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ, il-Bord, minħabba li jiġbor flimkien entitajiet b’għarfien espert speċjalizzat fis-suq tal-media, jenħtieġ li jkun involut kif xieraq fl-eżerċizzju ta’ monitoraġġ. Barra minn hekk, fejn ikun rilevanti, jenħtieġ li l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ jikkunsidra s-sejbiet tal-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-proġett Rispons Rapidu tal-Libertà tal-Media, minħabba l-effettività tagħhom biex jidentifikaw riskji jew theddid għall-ġurnalisti u għall-fornituri ta’ servizzi tal-media li jistgħu jaffettwaw ukoll is-suq intern tas-servizzi tal-media.

(75)

Jenħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha d-dmir li timmonitorja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mar-responsabbiltà tagħha skont l-Artikolu 17 TUE. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Jannar 2017 intitolata “Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar”, li huwa importanti li hija tiffoka u tipprijoritizza l-isforzi ta’ infurzar tagħha fuq l-aktar każijiet sinifikanti ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni li jaffettwaw l-interessi taċ-ċittadini u tan-negozji tal-Unjoni.

(76)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, notevolment li jkun żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern tas-servizzi tal-media, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, għax ma jistgħux jew jaf ma jkollhomx inċentivi biex jiksbu l-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni meħtieġa meta jaġixxu waħedhom, iżda jista’ pjuttost, minħabba il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum dejjem aktar diġitali u transfruntieri tal-kontenut tal-media, u minħabba r-rwol uniku tas-servizzi tal-media, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-objettiv.

(77)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 16, 47, 50 u 52 tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat b’rispett xieraq għal dawk id-drittijiet u l-prinċipji. B’mod partikolari, jenħtieġ li xejn f’dan ir-Regolament ma jiġi interpretat li jinterferixxi mal-libertà tal-informazzjoni, mal-libertà editorjali jew mal-libertà tal-istampa kif minquxa fil-liġi kostituzzjonali nazzjonali li hija konsistenti mal-Karta jew li jinċentiva lill-Istati Membri biex jintroduċu rekwiżiti għall-kontenut editorjali tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa.

(78)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u ta l-opinjoni tiegħu fil-11 ta’ Novembru 2022 (22),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għall-funzjonament xieraq tas-suq intern għas-servizzi tal-media u jistabbilixxi il-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-media, filwaqt li jissalvagwardja l-indipendenza u l-pluraliżmu tas-servizzi tal-media.

2.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax ir-regoli stabbiliti minn dawn:

(a)

id-Direttiva 2000/31/KE;

(b)

id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23);

(c)

ir-Regolament (UE) 2019/1150;

(d)

ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(e)

ir-Regolament (UE) 2022/1925;

(f)

ir-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24);

(g)

ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

3.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koperti mill-Kapitolu II, il-Kapitolu III, it-Taqsima 5 u l-Artikolu 25, dment li dawk ir-regoli jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-pluraliżmu tal-media jew l-indipendenza editorjali f’konformità ma’ dan ir-Regolament u jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz tal-media” tfisser servizz kif definit fl-Artikoli 56 u 57 TFUE, li l-iskop prinċipali tas-servizz jew ta’ xi taqsima diżassoċjabbli tiegħu jkun il-forniment ta’ programmi jew pubblikazzjonijiet tal-istampa, taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media, lill-pubbliku ġenerali, b’kwalunkwe mezz, għal skopijiet ta’ informazzjoni, ta’ divertiment jew ta’ edukazzjoni”;

(2)

“fornitur ta’ servizzi tal-media” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li l-attività professjonali tagħha tkun li tipprovdi servizz tal-media u bir-responsabbiltà editorjali li tagħżel il-kontenut tas-servizz tal-media u tiddetermina l-mod kif torganizzah;

(3)

“fornitur tal-media tas-servizz pubbliku” tfisser fornitur ta’ servizzi tal-media fdat b’missjoni ta” servizz pubbliku skont il-liġi nazzjonali u li jirċievi finanzjament pubbliku nazzjonali biex iwettaq din il-missjoni;

(4)

“programm” tfisser sett ta’ immaġnijiet li jiċċaqilqu jew ta’ ħsejjes li jikkostitwixxu oġġett individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, fi skeda jew f’katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media;

(5)

“pubblikazzjoni tal-istampa” tfisser pubblikazzjoni tal-istampa kif definit fl-Artikolu 2, punt (4), tad-Direttiva (UE) 2019/790;

(6)

“servizz tal-media awdjoviżiva” tfisser servizz ta’ media awdjoviżiva kif definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2010/13/UE;

(7)

“deċiżjoni editorjali” tfisser deċiżjoni li tittieħed fuq bażi regolari għall-fini tal-eżerċitar tar-responsabbiltà editorjali u marbuta mat-tħaddim ta’ kuljum ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media;

(8)

“responsabbiltà editorjali” tfisser l-eżerċitar ta’ kontroll effettiv fuq l-għażla ta’ programmi jew pubblikazzjonijiet tal-istampa u fuq l-organizzazzjoni tagħhom, bl-iskop ta’ forniment ta’ servizzi tal-media, irrispettivament minn jekk ikunx hemm responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali għas-servizz mogħti;

(9)

“pjattaforma online” tfisser pjattaforma online kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(10)

“fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna” tfisser fornitur ta’ pjattaforma online meqjusa bħala pjattaforma online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(11)

“servizz ta’ pjattaforma ta’ video-sharing” tfisser servizz ta’ pjattaforma ta’ video-sharing kif definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (aa), tad-Direttiva 2010/13/UE;

(12)

“fornitur ta’ pjattaforma ta’ video-sharing” tfisser fornitur ta’ pjattaforma ta’ video-sharing kif definit fl-Artikolu 1(1), punt (da), tad-Direttiva 2010/13/UE;

(13)

“awtorità jew korp regolatorju nazzjonali” tfisser kwalunkwe awtorità jew korp maħtur minn Stat Membru skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2010/13/UE;

(14)

“interfaċċa tal-utent” tfisser servizz li jikkontrolla jew jimmaniġġja l-aċċess għal u l-użu ta’ servizzi tal-media li jipprovdu programmi u li jippermetti lill-utenti jagħżlu servizzi jew kontenut tal-media;

(15)

“konċentrazzjoni tas-suq tal-media” tfisser konċentrazzjoni kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 li tinvolvi mill-anqas fornitur wieħed ta’ servizzi tal-media jew fornitur wieħed ta’ pjattaforma online li tipprovdi aċċess għall-kontenut tal-media;

(16)

“kejl tal-udjenzi” tfisser l-attività tal-ġbir, l-interpretazzjoni jew l-ipproċessar b’xi mod ieħor tad-data dwar l-għadd u l-karatteristiċi tal-utenti tas-servizzi tal-media jew tal-utenti ta’ kontenut ta’ pjattaformi online għall-finijiet ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni, l-ipprezzar, ix-xiri jew il-bejgħ tar-reklamar jew rigward l-ippjanar jew id-distribuzzjoni tal-kontenut;

(17)

“kejl proprjetarju tal-udjenzi” tfisser kejl tal-udjenzi li ma jsegwix l-istandards u l-aħjar prattiki tal-industrija miftiehma permezz ta’ mekkaniżmi awtoregolatorji;

(18)

“awtorità jew entità pubblika” tfisser gvern nazzjonali jew subnazzjonali, awtorità jew korp regolatorju, jew entità kkontrollata, direttament jew indirettament, minn gvern nazzjonali jew subnazzjonali;

(19)

“reklamar mill-istat” tfisser it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni, b’xi servizz tal-media jew pjattaforma online, ta’ messaġġ promozzjonali jew awtopromozzjonali jew ta’ avviż pubbliku jew kampanja ta’ informazzjoni, normalment bi ħlas jew għal xi konsiderazzjoni oħra, minn, għal jew f’isem xi awtorità jew entità pubblika;

(20)

“software ta’ sorveljanza intrużiv” tfisser kwalunkwe prodott b’elementi diġitali ddisinjat apposta biex jisfrutta vulnerabbiltajiet fi prodotti oħra b’elementi diġitali li jippermetti s-sorveljanza bil-moħbi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi permezz tal-monitoraġġ, l-estrazzjoni, il-ġbir jew l-analiżi ta’ data minn tali prodotti, jew mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużaw tali prodotti, inkluż b’mod indiskriminat;

(21)

“litteriżmu medjatiku” tfisser ħiliet, għarfien u fehim li jippermettu liċ-ċittadini jużaw il-media b’mod effettiv u sikur u li ma jkunux limitati għall-apprendiment dwar l-għodod u t-teknoloġiji iżda jkollhom l-għan li jgħammru liċ-ċittadini bil-ħiliet kritiċi tal-ħsieb meħtieġa biex jeżerċitaw il-ġudizzju, janalizzaw realtajiet kumplessi u jirrikonoxxu d-differenza bejn opinjonijiet u fatti.

KAPITOLU II

DRITTIJIET U DMIRIJIET TAL-FORNITURI U TAR-RIĊEVITURI TA’ SERVIZZI TAL-MEDIA

Artikolu 3

Dritt tar-riċevituri tas-servizzi tal-media

L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tar-riċevituri tas-servizzi tal-media li jkollhom aċċess għal pluralità ta’ kontenut tal-media editorjalment indipendenti u jiżguraw li jkollhom stabbiliti kundizzjonijiet qafas f’konformità ma’ dan ir-Regolament biex jissalvagwardjaw dak id-dritt, għall-benefiċċju tad-diskors liberu u demokratiku.

Artikolu 4

Drittijiet tal-fornituri ta’ servizzi tal-media

1.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-media għandu jkollhom id-dritt li jeżerċitaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom fis-suq intern bla restrizzjonijiet għajr dawk permessi skont il-liġi tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-libertà editorjali u l-indipendenza effettivi tal-fornituri ta’ servizzi tal-media fit-twettiq tal-attivitajiet professjonali tagħhom. L-Istati Membri, inkluż l-awtoritajiet u l-korpi regolatorji nazzjonali tagħhom, ma għandhomx jindaħlu jew jippruvaw jinfluwenzaw il-politiki u d-deċiżjonijiet editorjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorsi ġurnalistiċi u l-komunikazzjonijiet kunfidenzjali jkunu protetti b’mod effettiv. L-Istati Membri ma għandhom jieħdu l-ebda waħda minn dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi tal-media jew lill-persunal editorjali tagħhom, biex jiżvelaw informazzjoni relatata ma’ jew li kapaċi tidentifika sorsi ġurnalistiċi jew komunikazzjonijiet kunfidenzjali jew jobbligaw lil kwalunkwe persuna li, minħabba r-relazzjoni regolari jew professjonali tagħha ma’ fornitur ta’ servizzi tal-media jew mal-persunal editorjali tiegħu, jista’ jkollha tali informazzjoni biex jiżvelawha;

(b)

iżommu, jissanzjonaw, jinterċettaw jew jispezzjonaw lill-fornituri ta’ servizzi tal-media jew il-persunal editorjali tagħhom jew, iqiegħdu lilhom jew il-bini korporattiv jew privat tagħhom taħt sorveljanza jew tiftix u sekwestru bl-għan li jiksbu informazzjoni relatata ma’ jew li kapaċi tidentifika sorsi ġurnalistiċi jew komunikazzjonijiet kunfidenzjali, iżommu, jissanzjonaw, jinterċettaw jew jispezzjonaw kwalunkwe persuna li, minħabba r-relazzjoni regolari jew professjonali tagħha ma’ fornitur ta’ servizzi tal-media jew mal-persunal editorjali tiegħu, jista’ jkollha tali informazzjoni jew iqiegħdu lilha jew il-bini korporattiv jew privat tagħha taħt sorveljanza jew tiftix u sekwestru, bl-għan li jiksbu tali informazzjoni;

(c)

jużaw software ta’ sorveljanza intrużiv fuq kwalunkwe materjal, apparat, magna jew għodda diġitali użati mill-fornituri ta’ servizzi tal-media,il-persunal editorjali tagħhom, jew kwalunkwe persuna li, minħabba r-relazzjoni regolari jew professjonali tagħhom ma’ fornitur ta’ servizzi tal-media jew il-persunal editorjali tiegħu, jista’ jkollhom informazzjoni relatata ma’ jew li kapaċi tidentifika sorsi ġurnalistiċi jew komunikazzjonijiet kunfidenzjali.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżura msemmija fih, dment li:

(a)

tkun prevista mill-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali jew;

(b)

tkun konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta u ma’ dispożizzjonijiet oħra fil-liġi tal-Unjoni;

(c)

tkun ġustifikata fuq bażi ta’ każ b’każ għal raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata; u

(d)

tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja jew awtorità deċiżjonali indipendenti u imparzjali jew, f’każijiet eċċezzjonali u urġenti debitament ġustifikati, tiġi sussegwentement awtorizzata minn tali awtorità mingħajr dewmien żejjed.

5.   B’deroga mill-paragrafu 3, il-punt (c), l-Istati Membri jistgħu jużaw software ta’ sorveljanza intrużiv, dment li dan l-użu:

(a)

jikkonforma mal-kundizzjonijiet elenkati filparagrafu 4; u

(b)

jitwettaq għall-fini ta’ investigazzjoni ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c), għal:

(i)

reati elenkati fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI punibbli fl-Istat Membru kkonċernat b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni ta’ perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin; jew

(ii)

reati serji oħra punibbli fl-Istat Membru kkonċernat b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni ta’ perjodu massimu ta’ mill-inqas ħames snin, kif determinat mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

L-Istati Membri ma għandhom jieħdu l-ebda miżura minn dawk imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c), jekk waħda mill-miżuri msemmija fil-punt (a) jew (b) ta’ dak il-paragrafu tkun adegwata u suffiċjenti biex tinkiseb l-informazzjoni mitluba.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), u l-użu ta’ software ta’ sorveljanza intrużiv imsemmi fil-punt (c) ta’ dak il-paragrafu jiġu rieżaminati regolarment minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità deċiżjonali indipendenti u imparzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-użu tagħhom għadhomx issodisfati.

7.   Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), inkluż is-salvagwardji previsti fiha pereżempju d-dritt tas-suġġett tad-data għall-informazzjoni u l-aċċess għad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata, għandhom japplikaw għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali li jseħħ fil-kuntest tal-użu tal-miżuri ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu jew l-użu ta’ software ta’ sorveljanza intrużiv imsemmi fil-punt (c) ta’ dak il-paragrafu.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi tal-media, il-persunal editorjali tagħhom jew kwalunkwe persuna li, minħabba r-relazzjoni regolari jew professjonali tagħhom ma’ fornitur ta’ servizzi tal-media jew mal-persunal editorjali tiegħu, jista’ jkollhom informazzjoni relatata ma’ jew li kapaċi tidentifika sorsi ġurnalistiċi jew komunikazzjonijiet kunfidenzjali, ikollhom dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta, f’każijiet li jirrigwardaw ksur tal-paragrafi 3 sa 7 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri għandhom jinkarigaw awtorità jew korp indipendenti bl-għarfien espert rilevanti biex jipprovdu assistenza lill-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. Fejn tali awtorità jew korp ma jeżistix, dawk il-persuni jistgħu jfittxu assistenza minn korp jew mekkaniżmu awtoregolatorju.

9.   Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri kif stabbiliti fit-TUE u fit-TFUE huma rispettati.

Artikolu 5

Salvagwardji għall-funzjonament indipendenti tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkunu editorjalment u funzjonalment indipendenti u jipprovdu b’mod imparzjali pluralità ta’ informazzjoni u opinjonijiet lill-udjenzi tagħhom, f’konformità mal-missjoni tas-servizz pubbliku tagħhom kif definit fil-livell nazzjonali f’konformità mal-Protokoll Nru 29.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għall-ħatra u t-tneħħija tal-kap maniġerjali jew tal-membri tal-bord maniġerjali tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkollhom l-għan li jiggarantixxu l-indipendenza ta’ fornituri tal-media tas-servizz pubbliku.

Il-kap maniġerjali jew il-membri tal-bord maniġerjali tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku għandhom ikunu maħtura abbażi ta’ proċeduri trasparenti, miftuħa, effettivi u nondiskriminatorji u abbażi ta’ kriterji trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati stabbiliti minn qabel fuq livell nazzjonali. It-tul tal-mandat tagħhom għandu jkun biżżejjed għall-indipendenza effettiva tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku.

Id-deċiżjonijiet dwar it-tkeċċija tal-kap maniġerjali jew tal-membri tal-bord maniġerjali tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku qabel tmiem il-mandat tagħhom għandhom ikunu debitament ġustifikati, jistgħu jittieħdu biss b’mod eċċezzjonali meta dawn ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom skont kriterji stabbiliti minn qabel fil-livell nazzjonali, għandhom ikunu soġġetti għal notifika minn qabel lill-persuni kkonċernati u għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ rieżami ġudizzjarju.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ finanzjament għall-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkunu bbażati fuq kriterji trasparenti u oġġettivi stabbiliti minn qabel. Dawk il-proċeduri ta’ finanzjament għandhom jiggarantixxu li l-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku jkollhom riżorsi finanzjarji adegwati, sostenibbli u prevedibbli li jikkorrispondu għas-sodisfazzjon u l-kapaċità li jiżviluppaw fil-missjoni tas-servizz pubbliku tagħhom. Dawk ir-riżorsi finanzjarji għandhom ikunu tali li jħarsu l-indipendenza editorjali tal-fornituri tal-media tas-servizz pubbliku.

4.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità jew korp indipendenti wieħed jew aktar, jew jistabbilixxu mekkaniżmi ħielsa minn influwenza politika mill-gvernijiet, biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3. Ir-riżultati ta’ dak il-monitoraġġ għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 6

Dmirijiet tal-fornituri ta’ servizzi tal-media

1.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-media għandhom iqiegħdu informazzjoni aġġornata faċilment u direttament aċċessibbli għar-riċevituri tas-servizzi tagħhom dwar:

(a)

l-isem jew l-ismijiet legali u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom;

(b)

l-isemjew l-ismijiet tas-sid jew sidien dirett(i) jew indirett(i) tagħhom b’parteċipazzjoni azzjonarja li tippermettilhom jeżerċitaw influwenza fuq l-operazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi, inkluż sjieda diretta jew indiretta mill-istat jew minn awtorità jew entità pubblika;

(c)

l-isem jew ismijiet tas-sid jew sidien benefiċjarji tagħhom kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(d)

l-ammont annwali totali ta’ fondi pubbliċi għar-reklamar mill-istat allokat lilhom u l-ammont annwali totali ta’ dħul mir-reklamar riċevut minn awtoritajiet jew entitajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali jew lil awtoritajiet jew korpi kompetenti oħra bl-iżvilupp ta’ bażijiet ta’ data nazzjonali dwar is-sjieda tal-media li jkun fihom l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1.

3.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi kostituzzjonali nazzjonali konsistenti mal-Karta, il-fornituri ta’ servizzi tal-media li jipprovdu kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti għandhom jieħdu miżuri kif xieraq biex jiżguraw l-indipendenza tad-deċiżjonijiet editorjali. B’mod partikolari, dawk il-miżuri għandu jkollhom l-għan li:

(a)

jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet editorjali jkunu jistgħu jittieħdu liberament fil-linja editorjali stabbilita tal-fornitur ta’ servizzi tal-media kkonċernat; u

(b)

jiżguraw li kwalunkwe kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali li jista’ jaffettwa l-forniment tal-kontenut tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti huma żvelati.

KAPITOLU III

QAFAS GĦALL-KOOPERAZZJONI REGOLATORJA U GĦAL SUQ INTERN LI JIFFUNZJONA TAJJEB TAS-SERVIZZI TAL-MEDIA

TAQSIMA 1

Awtoritajiet indipendenti tal-media

Artikolu 7

Awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali

1.   L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw, fejn applikabbli billi jikkonsultaw jew jikkoordinaw ma’ awtoritajiet jew korpi rilevanti oħra jew, fejn rilevanti, korpi awtoregolatorji fl-Istati Membri tagħhom, li dan il-Kapitolu huwa applikat.

2.   L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2010/13/UE fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti assenjati lilhom minn dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

4.   Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-persuni li ġejjin biex jipprovdu, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, informazzjoni u data li jkunu proporzjonati u meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti skont dan il-Kapitolu:

(a)

il-persuni fiżiċi jew il-persuni ġuridiċi li għalihom japplika dan il-Kapitolu; u

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha, jista’ jkollha b’mod raġonevoli fil-pussess tagħha tali informazzjoni u data.

TAQSIMA 2

Il-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media

Artikolu 8

Il-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media

1.   Il-Bord Ewropew għas-Servizzi tal-Media (il-“Bord”) huwa b’dan stabbilit.

2.   Il-Bord għandu jissostitwixxi u jissuċċedi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) stabbilit permezz tal-Artikolu 30b tad-Direttiva 2010/13/UE.

Artikolu 9

Indipendenza tal-Bord

Il-Bord għandu jaġixxi b’indipendenza sħiħa meta jwettaq il-kompiti tiegħu jew jeżerċita s-setgħat tiegħu. B’mod partikolari, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu jew fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu, il-Bord għandu la jfittex u lanqas ma jieħu struzzjonijiet minn xi gvern, istituzzjoni, persuna jew korp. Dan ma għandux jaffettwa l-kompetenzi tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Struttura tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali.

2.   Kull membru tal-Bord għandu jkollu vot wieħed.

3.   Il-Bord għandu jieħu deċiżjonijiet b’maġġoranza taż-żewġ terzi tal-membri tiegħu bi drittijiet tal-vot.

4.   Meta Stat Membru jkollu aktar minn awtorità jew korp regolatorju nazzjonali wieħed, dawk l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom jikkoordinaw bejniethom skont il-ħtieġa u jaħtru rappreżentant komuni. Ir-rappreżentant komuni għandu jeżerċita d-dritt tal-vot.

5.   Il-Bord għandu jeleġġi President u Viċi President minn fost il-membri tiegħu. Il-mandat tal-President għandu jkun ta’ sena, u jista’ jiġġedded darba. Il-Bord jista’ jistabbilixxi Grupp ta’ Tmexxija. Il-Bord għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu.

6.   Il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant fil-Bord. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord, mingħajr dritt tal-vot. Il-President tal-Bord għandu jżomm lill-Kummissjoni informata dwar l-attivitajiet tal-Bord.

7.   Il-Bord jista’ jistieden esperti u, bi qbil mal-Kummissjoni, osservaturi permanenti biex jattendu l-laqgħat tiegħu.

8.   Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli ta’ proċedura għandhom jinkludu l-arranġamenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-membri tal-Bord.

Artikolu 11

Segretarjat tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jkun assistit minn segretarjat. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lis-segretarjat, b’kont meħud tal-ħtiġijiet indikati mill-Bord. Is-segretarjat għandu jkollu riżorsi adegwati għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2.   Il-kompitu ewlieni tas-segretarjat għandu jkun li jikkontribwixxi għall-eżekuzzjoni indipendenti tal-kompiti tal-Bord stabbiliti f’dan ir-Regolament u fid-Direttiva 2010/13/UE. Is-segretarjat għandu jaġixxi unikament fuq l-istruzzjonijiet tal-Bord rigward il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament.

3.   Is-segretarjat għandu jipprovdi appoġġ amministrattiv u organizzazzjonali lill-Bord fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu. Is-segretarjat għandu jassisti wkoll lill-Bord b’mod sostantiv fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 12

Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni

1.   Meta l-Bord iqis kwistjonijiet lil hinn mis-settur tal-media awdjoviżiva, huwa għandu jikkonsulta lir-rappreżentanti mis-setturi tal-media rilevanti li joperaw fil-livell tal-Unjoni jew nazzjonali.

2.   Il-Bord għandu, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jistabbilixxi l-arranġamenti għat-twettiq tal-konsultazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1. Dawn l-arranġamenti għandhom jiżguraw li huwa possibbli li jiġu involuti diversi rappreżentanti, kif xieraq.

3.   Fejn possibbli, il-Bord għandu jagħmel ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 13

Kompiti tal-Bord

1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattati, il-Bord għandu jagħti pariri u jappoġġa lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-servizzi tal-media fil-kompetenza tal-Bord u jippromwovi l-applikazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan il-Kapitolu u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE fl-Unjoni kollha. Il-Bord għandu għalhekk:

(a)

jipprovdi għarfien espert tekniku lill-Kummissjoni rigward il-kompitu tagħha li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan il-Kapitolu III u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE fl-Istati Membri kollha, mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali;

(b)

jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju effettiv tal-informazzjoni, tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli għas-servizzi tal-media, inkluż dan ir-Regolament u d-Direttiva 2010/13/UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 3, 4 u 7 ta’ dik id-Direttiva;

(c)

meta jintalab mill-Kummissjoni, jagħti opinjonijiet rigward il-kwistjonijiet tekniċi u fattwali li jinqalgħu b’rabta mal-Artikolu 2(5c), l-Artikolu 3(2) u (3), l-Artikolu 4(4), il-punt (c), u l-Artikolu 28a(7) tad-Direttiva 2010/13/UE;

(d)

f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, ifassal opinjonijiet rigward:

(i)

talbiet għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 14(5) ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

talbiet għal miżuri ta’ infurzar f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtorità jew il-korp rikjedenti u l-awtorità jew il-korp mitlub, inkluż l-azzjonijiet rakkomandati, skont l-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-Regolament;

(iii)

miżuri nazzjonali li jikkonċernaw servizzi tal-media minn barra l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-Regolament;

(e)

fuq talba ta’ fornitur tas-servizzi tal-media li żamm djalogu ma’ fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna kif imsemmi fl-Artikolu 18(6) ta’ dan ir-Regolament, ifassal opinjonijiet rigward l-eżitu ta’ tali djalogu;

(f)

fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq talba debitament ġustifikata u motivata ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media li jkun affettwat individwalment u direttament, ifassal opinjonijiet rigward miżuri regolatorji jew amministrattivi li x’aktarx jaffettwaw b’mod sinifikanti l-operat tal-fornituri tas-servizzi tal-media fis-suq intern għas-servizzi tal-media, f’konformità mal-Artikolu 21(4) ta’ dan ir-Regolament;

(g)

ifassal opinjonijiet rigward abbozzi ta’ valutazzjonijiet jew abbozzi ta’ opinjonijiet tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 22(5) ta’ dan ir-Regolament;

(h)

fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni, ifassal opinjonijiet rigward konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media li x’aktarx jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media, f’konformità mal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament;

(i)

jassisti lill-Kummissjoni fit-tfassil ta’ linji gwida rigward:

(i)

l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE, f’konformità mal-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

l-elementi msemmija fl-Artikolu 22(2), il-punti (a), (b) u (c), ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-paragrafu (3) ta’ dak l-Artikolu;

(iii)

l-applikazzjoni tal-Artikolu 24(1), (2) u (3) ta’ dan ir-Regolament skont il-paragrafu (4) ta’ dak l-Artikolu;

(j)

fuq talba minn tal-inqas waħda mill-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali jew regolatorji ikkonċernati, iservi ta’ medjatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 15(3) ta’ dan ir-Regolament;

(k)

irawwem il-kooperazzjoni dwar standards armonizzati relatati mad-disinn ta’ apparati jew interfaċċi tal-utent jew ma’ sinjali diġitali mwassla permezz ta’ tali apparat, f’konformità mal-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-Regolament;

(l)

jikkoordina miżuri rilevanti mill-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali kkonċernati b’rabta mad-disseminazzjoni ta’ jew mal-aċċess għall-kontenut ta’ servizzi tal-media minn barra mill-Unjoni li għandhom fil-mira jew li jilħqu udjenzi fl-Unjoni, meta dawn is-servizzi tal-media jkunu jippreġudikaw jew jippreżentaw riskju serju u gravi ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika, f’konformità mal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-Regolament, u jiżviluppa, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, sett ta’ kriterji kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu;

(m)

jorganizza djalogu strutturat bejn il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ir-rappreżentanti tal-fornituri ta’ servizzi tal-media u tas-soċjetà ċivili, u jirrapporta dwar ir-riżultati ta’ tali djalogu lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament;

(n)

irawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki b’rabta mal-varar ta’ sistemi ta’ kejl tal-udjenzi, f’konformità mal-Artikolu 24(5) ta’ dan ir-Regolament;

(o)

jiskambja l-esperjenza u l-aħjar prattiki dwar il-litteriżmu medjatiku, inkluż biex irawwem l-iżvilupp u l-użu ta’ miżuri u għodod effettivi biex jissaħħaħ il-litteriżmu medjatiku;

(p)

ifassal rapport annwali dettaljat dwar l-attivitajiet u l-kompiti tiegħu.

Il-Bord għandu jagħmel ir-rapport annwali msemmi fil-punt (p) tal-ewwel subparagrafu disponibbli għall-pubbliku. Meta jiġi mistieden jagħmel dan, il-President għandu jippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew.

2.   Meta l-Kummissjoni titlob pariri jew opinjonijiet mingħand il-Bord, din tista’ tindika limitu ta’ żmien, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-liġi tal-Unjoni, filwaqt li tqis l-urġenza tal-kwistjoni.

3.   Il-Bord għandu jibgħat ir-riżultati tanġibbli tiegħu lill-kumitat ta’ kuntatt stabbilit bl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2010/13/UE (il-“kumitat ta’ kuntatt”).

TAQSIMA 3

Kooperazzjoni u konverġenza regolatorji

Artikolu 14

Kooperazzjoni strutturata

1.   Awtorità jew korp regolatorju nazzjonali (l-“awtorità rikjedenti”) jista’, fi kwalunkwe ħin, jitlob, mingħand awtorità jew korp regolatorju nazzjonali ieħor wieħed jew aktar (l-“awtoritajiet mitluba”) biex jikkooperaw miegħu, inkluż bl-iskambju ta’ informazzjoni jew permezz ta’ assistenza reċiproka, għall- applikazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan il-Kapitolu jew għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE.

2.   Talba għal kooperazzjoni għandu jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa kollha relatata magħha, inkluż l-iskop tagħha u r-raġunijiet għat-talba għal kooperazzjoni.

3.   L-awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tindirizza talba għal kooperazzjoni fil-każijiet li ġejjin biss:

(a)

ma tkunx kompetenti rigward is-suġġett tat-talba għal kooperazzjoni jew biex tipprovdi t-tip ta’ kooperazzjoni mitluba;

(b)

l-eżekuzzjoni tat-talba għal kooperazzjoni tkun tikser dan ir-Regolament, id-Direttiva 2010/13/UE jew liġi oħra tal-Unjoni jew liġi nazzjonali li tikkonforma mal-liġijiet tal-Unjoni u li għaliha tkun soġġetta l-awtorità mitluba;

(c)

il-kamp ta’ applikazzjoni jew is-suġġett tat-talba għal kooperazzjoni ma kienx debitament ġustifikat jew ikun sproporzjonat.

L-awtorità mitluba għandha, mingħajr dewmien żejjed, tipprovdi r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut li tindirizza talba għal kooperazzjoni. Meta l-awtorità mitluba rrifjutat talba għal kooperazzjoni taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, hija għandha, fejn possibbli, tindika l-awtorità kompetenti.

4.   L-awtorità mitluba għandha tagħmel ħilitha biex tindirizza u twieġeb talba għal kooperazzjoni mingħajr dewmien żejjed u tipprovdi aġġornamenti regolari dwar il-progress magħmul waqt l-eżekuzzjoni ta’ dik it-talba.

5.   Meta l-awtorità rikjedenti tqis li l-awtorità mitluba ma tkunx indirizzat jew wieġbet it-talba għal kooperazzjoni tagħha b’mod suffiċjenti, hija għandha tinforma mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità mitluba, u tispjega r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha. Meta l-awtorità rikjedenti u l-awtorità mitluba ma jaslux għal ftehim dwar it-talba għal kooperazzjoni, kwalunkwe awtorità minnhom tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Bord. F’konformità mal-iskedi ta’ żmien li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Bord għandu joħroġ, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, opinjoni dwar il-kwistjoni, inklużi l-azzjonijiet rakkomandati. L-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkunsidraw l-opinjoni tal-Bord.

6.   Meta awtorità rikjedenti tqis li hemm riskju serju u gravi ta’ limitazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti jew riċevuti servizzi tal-media fis-suq intern jew riskju serju u gravi ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika, din tista’ titlob lil awtorità mitluba biex tipprovdi kooperazzjoni aċċellerata, filwaqt li tiżgura l-konformità mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, inkluż biex tkun żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/13/UE. L-awtorità mitluba għandha twieġeb u tagħmel ħilitha biex tindirizza talbiet għal kooperazzjoni aċċellerata fi żmien 14-il jum kalendarju.

Il-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal kooperazzjoni aċċellerata.

7.   Il-Bord għandu jistabbilixxi fir-regoli ta’ proċedura tiegħu aktar dettalji dwar il-proċedura tal-kooperazzjoni strutturata msemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Talbiet għal infurzar tal-obbligi tal-fornituri ta’ pjattaforma ta’ video-sharing

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE, awtorità rikjedenti tista’ rippreżenta talba debitament ġustifikata lil awtorità mitluba li tkun kompetenti fis-suġġett tat-talba biex jieħu azzjonijiet meħtieġa u proporzjonati għal infurzar effettiv tal-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ pjattaforma ta’ video-sharing skont l-Artikolu 28b(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2010/13/UE.

2.   L-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti, mingħajr dewmien żejjed, dwar l-azzjonijiet li tkun ħadet jew li tkun beħsiebha tieħu, jew dwar ir-raġunijiet għalfejn ma jkunux ittieħdu l-azzjonijiet, wara talba għal infurzar skont il-paragrafu 1. Il-Bord għandu jistabbilixxi l-iskedi ta’ żmien għal dak l-għan fir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

3.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità mitluba dwar l-azzjonijiet meħuda jew ippjanati li jiġu meħuda jew nuqqas ta’ azzjonijiet wara talba għal infurzar skont il-paragrafu 1, kwalunkwe awtorità minnhom tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Bord għal medjazzjoni bl-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli.

Meta ma tinstab l-ebda soluzzjoni amikevoli wara l-medjazzjoni tal-Bord, l-awtorità rikjedenti jew l-awtorità mitluba jistgħu jitolbu lill-Bord biex joħroġ opinjoni dwar il-kwistjoni. Fl-opinjoni tiegħu, il-Bord għandu jivvaluta jekk it-talba għal infurzar skont il-paragrafu 1 tkunx ġiet indirizzata b’mod suffiċjenti. Meta l-Bord iqis li l-awtorità mitluba ma tkunx indirizzat dik it-talba għal infurzar b’mod suffiċjenti, il-Bord għandu jirrakkomanda azzjonijiet biex it-talba tiġi indirizzata. Il-Bord għandu joħroġ l-opinjoni tiegħu, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed.

4.   Wara li tirċievi opinjoni kif imsemmija fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu, l-awtorità mitluba għandha, mingħajr dewmien żejjed u fi skedi ta’ żmien li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, tinforma lill-Bord, lill-Kummissjoni u lill-awtorità rikjedenti dwar l-azzjonijiet meħuda jew ippjanati li jiġu meħuda b’rabta mal-opinjoni.

Artikolu 16

Gwida dwar kwistjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni tal-media

1.   Il-Bord għandu jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali, filwaqt li jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati meta xieraq, dwar aspetti regolatorji, tekniċi jew prattiċi rilevanti għall-applikazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan il-Kapitolu u għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE.

2.   Meta l-Kummissjoni toħroġ linji gwida relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE, il-Bord għandu jassistiha billi jipprovdi għarfien espert dwar aspetti regolatorji, tekniċi jew prattiċi, b’mod partikolari rigward:

(a)

il-prominenza xierqa tas-servizzi tal-media awdjoviżiva ta’ interess ġenerali skont l-Artikolu 7a tad-Direttiva 2010/13/UE;

(b)

kif l-informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda tal-fornituri ta’ servizzi tal-media tista’ ssir aċċessibbli, kif previst fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2010/13/UE u l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

Fejn il-Kummissjoni toħroġ linji gwida relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE, hija għandha tikkonsulta l-kumitat ta’ kuntatt.

3.   Meta l-Kummissjoni toħroġ opinjoni dwar kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE, il-Bord għandu jassisti lill-Kummissjoni.

Artikolu 17

Koordinazzjoni ta’ miżuri li jikkonċernaw lill-fornituri tas-servizzi tal-media minn barra l-Unjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/13/UE, il-Bord għandu, fuq talba tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali minn tal-inqas żewġ Stati Membri, jikkoordina l-miżuri rilevanti tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali kkonċernati b’rabta mad-disseminazzjoni ta’ jew mal-aċċess għal servizzi tal-media li joriġinaw minn barra l-Unjoni jew ipprovduti minn fornituri ta’ servizzi tal-media stabbiliti barra mill-Unjoni li, irrispettivament mill-mezzi ta’ distribuzzjoni jew aċċess tagħhom, għandhom fil-mira jew jilħqu udjenzi fl-Unjoni meta, fost l-oħrajn fid-dawl tal-kontroll li jista’ jiġi eżerċitat minn pajjiżi terzi fuqhom, dawk is-servizzi tal-media jkunu jippreġudikaw jew jippreżentaw riskju serju u gravi ta’ preġudizzju għas-sigurtà pubblika.

2.   Il-Bord, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jista’ joħroġ opinjonijiet rigward miżuri xierqa kif imsemmija fil-paragrafu 1. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tagħhom skont il-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkonċernati, inkluż l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali, għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkunsidraw l-opinjonijiet tal-Bord.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali kkonċernati ma jkunux preklużi milli jqisu opinjoni maħruġa mill-Bord skont il-paragrafu 2 meta jikkunsidraw li jieħdu miżuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 kontra fornitur ta’ servizzi tal-media.

4.   Il-Bord, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jiżviluppa sett ta’ kriterji biex jintużaw mill-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali meta jeżerċitaw is-setgħat regolatorji tagħhom fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-media kif imsemmija fil-paragrafu 1. L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkunsidraw dawk il-kriterji.

TAQSIMA 4

Forniment ta’ u aċċess għal servizzi tal-media f’ambjent diġitali

Artikolu 18

Kontenut ta’ fornituri ta’ servizzi tal-media fuq pjattaformi online kbar ħafna

1.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom jipprovdu funzjonalità biex ir-riċevituri tas-servizzi tagħhom ikunu jistgħu:

(a)

jiddikjaraw li huma fornituri ta’ servizzi tal-media;

(b)

jiddkjaraw li jikkonformaw mal-Artikolu 6(1);

(c)

jiddikjaraw li huma editorjalment indipendenti mill-Istati Membri, partiti politiċi, pajjiżi terzi u entitajiet ikkontrollati jew iffinanzjati minn pajjiżi terzi;

(d)

jiddikjaraw li huma soġġetti għal rekwiżiti regolatorji għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà editorjali fi Stat Membru wieħed jew aktar, u għal superviżjoni minn awtorità jew korp regolatorju nazzjonali kompetenti jew li jaderixxu ma’ mekkaniżmu koregolatorju jew awtoregolatorju li jirregola l-istandards editorjali li jkun rikonoxxut minn u aċċettat b’mod wiesa’ fis-settur tal-media rilevanti fi Stat Membru wieħed jew aktar;

(e)

jiddikjaraw li ma jipprovdux kontenut iġġenerat minn sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali mingħajr ma jissoġġettaw dak il-kontenut għal analiżi umana jew kontroll editorjali;

(f)

jipprovdu l-isem ġuridiku u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, inkluż indirizz tal-posta elettronika, li permezz tiegħu l-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jista’ jikkomunika malajr u direttament magħhom; u

(g)

jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali rilevanti jew tar-rappreżentanti tal-mekkaniżmi koregolatorji jew awtoregolatorji msemmija fil-punt (d).

Meta hemm dubju raġonevoli dwar il-konformità tal-fornitur ta’ servizzi tal-media mal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, il-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna għandu jfittex konferma dwar il-kwistjoni mingħand l-awtorità jew il-korp regolatorju nazzjonali rilevanti jew il-mekkaniżmu koregolatorju jew awtoregolatorju rilevanti.

2.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ddikjarata skont il-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (f), issir disponibbli għall-pubbliku b’mod faċilment aċċessibbli fuq l-interfaċċa online tagħhom.

3.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom jirrikonoxxu li rċevew id-dikjarazzjonijiet sottomessi skont il-paragrafu 1 u jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, inkluż indirizz tal-posta elettronika, li permezz tiegħu l-fornitur ta’ servizzi tal-media jkun jista’ jikkomunika direttament u malajr magħhom.

Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jindikaw jekk humiex ser jaċċettaw jew jirrifjutaw id-dikjarazzjoni sottomessi skont il-paragrafu 1.

4.   Meta fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jkun beħsiebu jieħu deċiżjoni li jissospendi l-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tiegħu b’rabta mal-kontenut provdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media li jkun ippreżenta dikjarazzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew deċiżjoni li tillimita l-viżibilità ta’ tali kontenut, għar-raġuni li dak il-kontenut ikun inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu, qabel ma ssir effettiva tali deċiżjoni ta’ sospensjoni jew restrizzjoni ta’ viżibbiltà, huwa għandu:

(a)

jikkomunika lill-fornitur ta’ servizzi tal-media kkonċernat dikjarazzjoni tar-raġunijiet kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1150 u l-Artikolu 17 tar-Regolmant (UE) 2022/2065 għad-deċiżjoni prevista tiegħu li tissospendi jew tillimita l-viżibbiltà; u

(b)

jagħti lill-fornitur ta’ servizzi tal-media l-opportunità li jwieġeb għad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fi żmien 24 siegħa minn meta jirċieviha jew, f’każ ta’ kriżi kif imsemmi fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, f’perjodu iqsar ta’ żmien li jippermetti lill-fornitur tas-servizzi tal-media biżżejjed żmien biex iwieġeb b’mod sinifikanti.

Meta, wara jew fin-nuqqas ta’ tali tweġiba kif imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jieħu deċiżjoni li tissospendi jew tirrestrinġi l-viżibbiltà, dan għandu jinforma lill-fornitur tas-servizzi tal-media kkonċernat mingħajr dewmien żejjed.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna jissospendu l-forniment tas-servizzi tagħhom b’rabta ma’ -kontenut provdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media jew jirrestrinġu l-viżibbiltà ta’ tali kontenut f’konformità mal-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 28, 34 u 35 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-Artikolu 28b tad-Direttiva 2010/13/UE jew mal-obbligi tagħhom relatati mal-kontenut illegali skont il-liġi tal-Unjoni.

5.   Il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzazzjonali meħtieġa kollha biex jiżguraw li l-ilmenti mressqa mill-fornituri ta’ servizzi tal-media skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/1150 jew l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jiġu pproċessati u deċiżi bi prijorità u mingħajr dewmien bla bżonn. Fornitur tas-servizzi tal-media jista’ jkun rappreżentat minn korp fil-proċess intern tat-trattament tal-ilment imsemmi f’dawk l-Artikoli.

6.   Meta fornitur ta’ servizzi tal-media li jkun ippreżenta dikjarazzjoni skont il-paragrafu 1 iqis li fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna jkun irrestrinġa jew jissospenda ripetutament, mingħajr raġunijiet suffiċjenti, il-forniment tas-servizzi tiegħu fir-rigward tal-kontenut ipprovdut mill-fornitur tas-servizzi tal-media, il-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna għandu jidħol fi djalogu sinifikanti u effettiv mal-fornitur tas-servizzi tal-media, fuq talba tiegħu, in bona fide bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni amikevoli, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, sabiex jintemmu r-restrizzjonijiet jew is-sospensjonijiet mhux ġustifikati u jiġu evitati fil-futur. Il-fornitur tas-servizzi tal-media jista’ jinnotifika l-eżitu u d-dettalji ta’ dak id-djalogu lill-Bord u lill-Kummissjoni. Il-fornitur tas-servizzi tal-media jista’ jitlob lil Bord biex joħroġ opinjoni dwar l-eżitu ta’ tali djalogu, inkluż, fejn rilevanti, azzjonijiet rakkomandati għall-fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna. Il-Bord għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-opinjoni tiegħu.

7.   Meta fornitur ta’ pjattaformi online kbar ħafna jirrifjuta jew jinvalida dikjarazzjoni minn fornitur ta’ servizzi tal-media ppreżentata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew meta ma tinstab l-ebda soluzzjoni amikevoli wara li jsir djalogu skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, il-fornitur tas-servizzi tal-media kkonċernat jista’ jirrikorri għall-medjazzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/1150 jew għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2022/2065. Il-fornitur tas-servizzi tal-media kkonċernat jista’ jinnotifika l-Bord dwar l-eżitu ta’ dik il-medjazzjoni jew soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti.

8.   Fornitur ta’ pjattaforma online kbira ħafna għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq bażi annwali, informazzjoni dettaljata dwar:

(a)

l-għadd ta’ każijiet li fihom ikun impona xi restrizzjoni jew sospensjoni talli l-kontenut ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media li jkun ippreżenta dikjarazzjoni skont il-paragrafu 1 ikun inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu;

(b)

ir-raġunijiet għall-impożizzjoni ta’ dawk ir-restrizzjonijiet jew sospensjonijiet, inkluż il-klawżoli speċifiċi fit-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu li fir-rigward tagħhom il-kontenut tal-fornitur ta’ servizzi tal-media tqies inkompatibbli;

(c)

l-għadd ta’ djalogi mal-fornituri ta’ servizzi tal-media skont il-paragrafu 6;

(d)

l-għadd ta’ każijiet li fihom huwa rrifjuta d-dikjarazzjonijiet ippreżentati minn fornitur ta’ servizzi tal-media skont il-paragrafu 1 u r-raġunijiet għar-rifjut;

(e)

l-għadd ta’ każijiet li fihom invalida dikjarazzjoni ppreżentata minn fornitur ta’ servizzi tal-media skont il-paragrafu 1 u r-raġunijiet għall-invalidazzjoni.

9.   Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida ħalli tiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-funzjonalità msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 19

Djalogu strutturat

1.   Il-Bord għandu jorganizza regolarment djalogu strutturat bejn il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna, ir-rappreżentanti tal-fornituri ta’ servizzi tal-media u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sabiex:

(a)

jiddiskutu l-esperjenza u l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18, inkluż fir-rigward tal-funzjonament tal-pjattaformi online kbar ħafna u l-proċessi ta’ moderazzjoni tagħhom għall-kontenut ipprovdut mill-fornituri ta’ servizzi tal-media;

(b)

irawmu l-aċċess għal diversi offerti ta’ media indipendenti fuq pjattaformi online kbar ħafna; u

(c)

tiġi mmonitorjata l-konformità ma’ inizjattivi awtoregolatorji li jimmiraw li jipproteġu l-utenti minn kontenut dannuż, inkluż id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni u l-interferenza tal-informazzjoni barranija.

2.   Il-Bord għandu jirrapporta dwar ir-riżultati ta’ djalogi strutturati kif imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni. Fejn possibbli, il-Bord għandu jqiegħed ir-riżultati ta’ dawn id-djalogi strutturati għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 20

Dritt li jippersonalizza l-offerta tal-media

1.   L-utenti għandu jkollhom id-dritt li jbiddlu faċilment il-konfigurazzjoni, inkluż settings prestabbiliti, ta’ kwalunkwe apparat jew interfaċċa tal-utent li tikkontrolla jew timmaniġġa l-aċċess għal u l-użu tas-servizzi tal-media li jipprovdu programmi sabiex jadattaw l-offerta tal-media skont l-interessi jew il-preferenzi tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 7a jew 7b tad-Direttiva 2010/13/UE.

2.   Meta jqiegħdu apparati u interfaċċi tal-utent kif imsemmija fil-paragrafu 1 fis-suq, il-manifatturi, l-iżviluppaturi u l-importaturi għandhom jiżguraw li dan it-tagħmir u l-interfaċċi tal-utent ikunu jinkludu funzjonalità biex l-utenti jkunu jistgħu jibdlu liberament u faċilment fi kwalunkwe ħin il-konfigurazzjoni tagħhom, inkluż is-settings prestabbiliti li jikkontrollaw jew li jimmaniġġjaw l-aċċess għas-servizzi tal-media offruti u l-użu tagħhom.

3.   Il-manifatturi, l-iżviluppaturi u l-importaturi tal-apparati u tal-interfaċċi tal-utent kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li l-identità viżiva tal-fornituri ta’ servizzi tal-media li l-apparati u l-interfaċċi tal-utent tagħhom jagħtu aċċess għas-servizzi tagħhom, tkun viżibbli b’mod konsistenti u ċar għall-utenti.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-manifatturi, l-iżviluppaturi u l-importaturi ta’ apparati jew interfaċċi tal-utent kif imsemmi fil-paragrafu 1 jikkonformaw mal-paragrafi 2 u 3.

5.   Il-Bord għandu jrawwem il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi tal-media, il-korpi tal-istandardizzazzjoni jew kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħra biex jippromwovi l-iżvilupp ta’ standards armonizzati relatati mad-disinn tal-apparati jew mal-interfaċċi tal-utent kif imsemmija fil-paragrafu 1 jew ma’ sinjali diġitali mwassla permezz ta’ tali apparat.

TAQSIMA 5

Rekwiżiti għal miżuri u proċeduri tas-suq tal-media li jiffunzjonaw tajjeb

Artikolu 21

Miżuri nazzjonali li jaffettwaw il-fornituri ta’ servizzi tal-media

1.   Miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi meħuda minn Stat Membru li jistgħu jaffettwaw il-pluraliżmu tal-media jew l-indipendenza editorjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media li joperaw fis-suq intern għandhom ikunu ġustifikati u proporzjonati kif xieraq. Dawk il-miżuri għandhom ikunu motivati, trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji.

2.   Kull proċedura nazzjonali użata għall-fini ta’ adozzjoni ta’ miżura amministrattiva kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha ssegwi perjodi ta’ żmien stabbiliti minn qabel. Tali proċeduri ser jitwettqu mingħajr dewmien żejjed.

3.   Kwalunkwe fornitur ta’ servizzi tal-media soġġett għal miżura regolatorja jew amministrattiva kif imsemmija fil-paragrafu 1 li tirrigwardah individwalment u direttament għandu jkollu d-dritt li jappella dik il-miżura quddiem korp tal-appell. Dak il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkun indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull intervent estern jew pressjoni politika li tista’ tipperikola l-valutazzjoni indipendenti tiegħu ta’ kwistjonijiet li jinstemgħu quddiemu. Għandu jkollu l-għarfien espert xieraq biex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu b’mod effettiv u f’waqtu.

4.   Meta miżura regolatorja jew amministrattiva kif imsemmija fil-paragrafu 1 x’aktarx taffettwa b’mod sinifikanti l-operat tal-fornituri tas-servizzi tal-media fis-suq intern, il-Bord għandu, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq talba debitament ġustifikata u motivata ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media li jkun affettwat individwalment u direttament minn tali miżura, ifassal opinjoni dwar il-miżura. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tagħha skont it-Trattati, il-Kummissjoni tista’ toħroġ l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni. Il-Bord u l-Kummissjoni għandhom iqiegħdu l-opinjonijiet tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

5.   Għall-fini tat-tfassil ta’ opinjoni skont il-paragrafu 4, il-Bord u, meta applikabbli, il-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-informazzjoni rilevanti mingħand awtorità jew korp nazzjonali li adotta miżura regolatorja jew amministrattiva kif imsemmija fil-paragrafu 1 li taffettwa fornitur ta’ servizzi tal-media individwalment u direttament. L-awtorità jew il-korp nazzjonali kkonċernat għandu jipprovdi dik l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed b’mezzi elettroniċi.

Artikolu 22

Valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, regoli sostantivi u proċedurali li jippermettu valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media li jistgħu jħallu impatt sinifikanti fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali. Dawk ir-regoli għandhom:

(a)

ikunu trasparenti, oġġettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji;

(b)

jesiġu li l-partijiet involuti f’tali konċentrazzjoni tas-suq tal-media jinnotifikaw il-konċentrazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet jew lill-korpi nazzjonali rilevanti jew jipprovdu lil dawn l-awtoritajiet jew korpi bis-setgħat xierqa biex jiksbu l-informazzjoni minn dawk il-partijiet li hija meħtieġa biex jivvalutaw il-konċentrazzjoni;

(c)

jaħtru l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali bħala dawk responsabbli għall-valutazzjoni jew jiżguraw li huma involuti b’mod sostanzjali fil-valutazzjoni;

(d)

jistabbilixxu minn qabel kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati għan-notifika ta’ tali konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media u għall-valutazzjoni tal-impatt fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali; u

(e)

jispeċifikaw minn qabel il-perjodi ta’ żmien għat-tlestija ta’ tali valutazzjonijiet.

Il-valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media msemmija f’dan il-paragrafu għandha tkun distinta mill-valutazzjonijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, inkluż dawk previsti skont ir-regoli dwar il-kontroll tal-fużjonijiet. Din għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, meta applikabbli.

2.   Fi valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

l-impatt mistenni tal-konċentrazzjoni tas-suq tal-media fuq il-pluraliżmu tal-media, inkluż l-effetti tagħha fuq it-tiswir tal-opinjoni pubblika u fuq id-diversità tas-servizzi tal-media u l-offerta tal-media fis-suq, filwaqt li jitqiesu l-ambjent online u l-interessi, ir-rabtiet jew l-attivitajiet tal-partijiet f’negozji oħra tal-media jew mhux tal-media;

(b)

is-salvagwardji għall-indipendenza editorjali, inkluż il-miżuri meħuda mill-fornituri ta’ servizzi tal-media biex jiggarantixxu l-indipendenza tad-deċiżjonijiet editorjali;

(c)

jekk, fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni tas-suq tal-media, il-partijiet involuti fil-konċentrazzjoni tas-suq tal-media jibqgħux ekonomikament sostenibbli, u jekk ikunx hemm alternattivi possibbli biex tkun żgurata s-sostenibbiltà ekonomika tagħhom;

(d)

meta rilevanti, is-sejbiet tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt dwar il-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media; u

(e)

meta applikabbli, l-impenji li kwalunkwe parti involuta fil-konċentrazzjoni tas-suq tal-media tista’ toffri biex tissalvagwardja l-pluraliżmu u l-indipendenza editorjali tal-media.

3.   Il-Kummissjoni, assistita mill-Bord, għandha toħroġ linji gwida dwar l-elementi msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b) u (c).

4.   Meta konċentrazzjoni tas-suq tal-media x’aktarx taffettwa l-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi tal-media, l-awtorità jew il-korp regolatorju nazzjonali kkonċernat għandu jikkonsulta lill-Bord minn qabel dwar l-abbozz ta’ valutazzjoni jew l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu.

5.   Fl-iskedi ta’ żmien li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Bord għandu jfassal opinjoni dwar l-abbozz ta’ valutazzjoni jew l-abbozz ta’ opinjoni msemmija fil-paragrafu 4, filwaqt li jqis l-elementi msemmija fil-paragrafu 2, u jibgħat dik l-opinjoni lil awtorità jew korp regolatorju nazzjonali kkonċernat u lill-Kummissjoni.

6.   L-awtorità jew il-korp regolatorju nazzjonali msemmija fil-paragrafu 4 għandhom iqisu bis-sħiħ l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5. Meta dik l-awtorità jew il-korp regolatorju nazzjonali ma ssegwix l-opinjoni, kollha jew parti minnha, din għandha tipprovdi ġustifikazzjoni motivata lill-Bord u lill-Kummissjoni biex tispjega l-pożizzjoni tagħha fi skedi ta’ żmien li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord fir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 23

Opinjonijiet dwar il-konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media

1.   Meta ma ssirx valutazzjoni jew konsultazzjoni skont l-Artikolu 22, il-Bord, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni, għandu jfassal opinjoni dwar l-impatt ta’ konċentrazzjoni tas-suq tal-media fuq il-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali, meta dik il-konċentrazzjoni tas-suq tal-media x’aktarx tkun taffettwa l-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi tal-media. Il-Bord għandu jibbaża l-opinjoni tiegħu fuq l-elementi msemmija fl-Artikolu 22(2). Il-Bord jista’ jġib tali konċentrazzjonijiet tas-suq tal-media għall-attenzjoni tal-Kummissjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tagħha skont it-Trattati, il-Kummissjoni tista’ toħroġ l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni.

3.   Il-Bord u l-Kummissjoni għandhom iqiegħdu l-opinjonijiet tagħhom kif imsemmi f’dan l-Artikolu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

TAQSIMA 6

Allokazzjoni trasparenti u ġusta tar-riżorsi ekonomiċi

Artikolu 24

Kejl tal-udjenzi

1.   Il-fornituri tas-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi tagħhom u l-metodoloġija użata mis-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi tagħhom jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza, imparzjalità, inklużività, proporzjonalità, nondiskriminazzjoni, komparabbiltà u verifikabbiltà.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943, il-fornituri tas-sistemi ta’ kejl proprjetarju tal-udjenzi għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed u bla ħlas, lill-fornituri tas-servizzi tal-media, lir-reklamaturi u lil partijiet terzi awtorizzati mill-fornituri ta’ servizzi tal-media u mir-reklamaturi informazzjoni akkurata, dettaljata, komprensiva, intelliġibbli u aġġornata dwar il-metodoloġija użata mis-sistemi tagħhom tal-kejl tal-udjenzi.

Il-fornituri ta’ sistemi ta’ kejl proprjetarju tal-udjenzi għandhom jiżguraw li l-metodoloġija użata mis-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi tagħhom u l-mod li bih tiġi applikata jiġu awditjati b’mod indipendenti darba fis-sena. Fuq talba ta’ fornitur tas-servizz tal-media, fornitur ta’ sistema ta’ kejl proprjetarjutal-udjenzi għandu jipprovdih b’informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kejl tal-udjenzi, inkluż data mhux aggregata, li tkun relatata mal-kontenut tal-media u s-servizzi tal-media ta’ dak il-fornitur ta’ servizzi tal-media.

Dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

3.   L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom iħeġġu lill-fornituri tas-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi biex ifasslu, flimkien mal-fornituri ta’ servizzi tal-media, il-fornituri tal-pjattaformi online, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u kwalunkwe parti interessata oħra, kodiċijiet ta’ kondotta jew għandhom iħeġġu lill-fornituri tas-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi jikkonformaw mal-kodiċijiet ta’ kondotta miftiehma b’mod konġunt u aċċettati b’mod mifrux mill-fornituri tas-servizzi tal-media, mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u minn kwalunkwe parti interessata oħra.

Il-kodiċijiet ta’ kondotta kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu maħsuba biex jippromwovu l-monitoraġġ regolari, indipendenti u trasparenti tal-kisba effettiva tal-objettivi tagħhom u l-konformità mal-prinċipji msemmija fil-paragrafu 1, inkluż permezz ta’ awditi indipendenti u trasparenti.

4.   Il-Kummissjoni, assistita mill-Bord, għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni prattika tal-paragrafi 1, 2 u 3, filwaqt li tqis, fejn xieraq, il-kodiċijiet ta’ kondotta kif imsemmija fil-paragrafu 3.

5.   Il-Bord għandu jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki relatati mal-varar ta’ sistemi ta’ kejl tal-udjenzi bi djalogu regolari bejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali, ir-rappreżentanti tal-fornituri tas-sistemi ta’ kejl tal-udjenzi, rappreżentanti tal-fornituri ta’ servizzi tal-media, rappreżentanti tal-fornituri ta’ pjattaformi online u partijiet interessati oħra.

Artikolu 25

Allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi għar-reklamar mill-Istat u għall-kuntratti ta’ forniment jew ta’ servizz

1.   Fondi pubbliċi jew kwalunkwe kunsiderazzjoni jew vantaġġ ieħor li jsir disponibbli, direttament jew indirettament, mill-awtoritajiet jew l-entitajiet pubbliċi lill-fornituri ta’ servizzi tal-media jew lill-fornituri ta’ pjattaformi online għar-reklamar mill-istat jew għall-kuntratti ta’ forniment jew ta’ servizz konklużi ma’ fornituri ta’ servizzi tal-media jew fornituri ta’ pjattaformi online għandhom jingħataw skont kriterji trasparenti, oġġettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji li jkunu disponibbli għall-pubbliku minn qabel b’mezzi elettroniċi u faċli għall-utent, u permezz ta’ proċeduri miftuħa, proporzjonati u nondiskriminatorji.

L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw li n-nefqa pubblika annwali ġenerali allokata għar-reklamar mill-istat titqassam lil pluralità wiesgħa ta’ fornituri ta’ servizzi tal-media rrappreżentati fis-suq, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u lokali tas-swieq tal-media kkonċernati.

Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u kuntratti ta’ konċessjoni skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku jew l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.   L-awtoritajiet jew l-entitajiet pubbliċi għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku b’mezzi elettroniċi u faċli għall-utent informazzjoni kull senadwar in-nefqa pubblika tagħhom għar-reklamar mill-istat. Dik l-informazzjoni, għandha tinkludi mill-inqas li ġejjin:

(a)

l-ismijiet legali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media jew il-fornituri ta’ pjattaformi online li mingħandhom inxtraw is-servizzi tar-reklamar;

(b)

jekk applikabbli, l-ismijiet ġuridiċi tal-gruppi kummerċjali li minnhom huwa parti kwalunkwe fornitur ta’ servizzi tal-media jew fornitur ta’ pjattaformi online kif imsemmi fil-punt (a); u

(c)

l-ammont annwali totali minfuq, u l-ammonti annwali minfuqa ta’ kull fornitur ta’ servizzi tal-media jew fornitur ta’ pjattaforma online.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw gvernijiet subnazzjonali ta’ entitajiet territorjali ta’ inqas minn 100 000 abitant, u entitajiet ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn tali gvernijiet subnazzjonali, mill-obbligu skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

3.   L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet jew korpi indipendenti kompetenti oħra fl-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jirrapportaw kull sena dwar l-allokazzjoni tan-nefqa tar-reklamar mill-istat lill-fornituri ta’ servizzi tal-media u lill-fornituri tal-pjattaformi online abbażi tal-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2. Dawk ir-rapporti annwali għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku b’mod faċilment aċċessibbli.

Sabiex jivvalutaw il-kompletezza tal-informazzjoni dwar ir-reklamar mill-istat li sar disponibbli skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet jew korpi regolatorji indipendenti kompetenti oħra fl-Istati Membri jistgħu jitolbu mill-awtoritajiet jew l-entitajiet pubbliċi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 informazzjoni ulterjuri, inkluż informazzjoni aktar dettaljata dwar l-applikazzjoni tal-kriterji u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1.

Meta l-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar jitwettqu minn awtoritajiet jew korpi indipendenti kompetenti oħra fl-Istati Membri, dawn għandhom iżommu lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali infurmati kif xieraq.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Eżerċizzju tal-monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-suq intern tas-servizzi tal-media, inkluż tar-riskji u l-progress fil-funzjonament tiegħu, huwa monitorjat b’mod independenti u kontinwu (l-“eżerċizzju ta’ monitoraġġ”). Is-sejbiet ta dak l-eżerċizzju tal-monitoraġġ għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni mal-Bord, u għandhom jiġu ppreżentati lil kumitat ta’ kuntatt u diskussi mal-kumitat ta’ kuntatt.

2.   Il-Kummissjoni għandha, f’konsultazzjoni mal-Bord, tiddefinixxi indikaturi ewlenin għal, salvagwardji metodoloġiċi għall-protezzjoni tal-oġġettività ta’, u l-kriterji għall-għażla tar-riċerkaturi għall-eżerċizzju ta’ monitoraġġ.

3.   L-eżerċizzju tal-monitoraġġ għandu jinkludi:

(a)

analiżi dettaljata tas-swieq tal-media fl-Istati Membri kollha, inkluż fir-rigward tal-livell ta’ konċentrazzjoni tal-media u tar-riskji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ interferenza mill-barranin;

(b)

ħarsa ġenerali u valutazzjoni li tħares ’il quddiem tal-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi tal-media b’mod ġenerali, inkluż fir-rigward tal-impatt tal-pjattaformi online;

(c)

ħarsa ġenerali lejn ir-riskji għall-pluraliżmu tal-media u l-indipendenza editorjali tal-fornituri ta’ servizzi tal-media fejn dawn jista’ jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern;

(d)

ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-fornituri ta’ servizzi tal-media biex jiżguraw l-indipendenza tad-deċiżjonijiet editorjali;

(e)

ħarsa ġenerali dettaljata lejn l-oqfsa u l-prattiki għall-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi għar-reklamar mill-Istat.

4.   L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ għandu jsir kull sena. Ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ, inkluż il-m etodoloġija u d-data użati għal dan, għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku u ppreżentati kull sena lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 27

Evalwazzjoni u rappurtar

1.   Sat-8 ta’ Awwissu 2028, u kull erba’ snin minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament u tirrapporta dwaru lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.   Fl-ewwel tali evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod partikolari l-effettività tal-funzjonament tas-segretarjat tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 11, inkluż fir-rigward tal-adegwatezza tar-riżorsi fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 u fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Bord għandhom jibagħtulha informazzjoni rilevanti.

4.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a)

il-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u ta’ korpi jew sorsi rilevanti oħra;

(b)

l-eżiti tad-diskussjonijiet rilevanti mwettqa fil-fora rilevanti;

(c)

dokumenti rilevanti maħruġa mill-Bord;

(d)

is-sejbiet tal-eżerċizzju tal-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 26.

5.   Ir-rapporti imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu akkumpanjati, fejn ikun xieraq, minn proposta sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Emendi għad-Direttiva 2010/13/UE

Id-Direttiva 2010/13/UE jiġi emendat kif ġej:

(1)

Jitħassar l-Artikolu 30b;

(2)

Ir-referenzi għall-Artikolu 30b tad-Direttiva 2010/13/UE għandhom jinqraw bħala referenzi għall-Artikolu 13(1), punt (c), ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-8 ta’ Awwissu 2025. Madankollu:

(a)

l-Artikolu 3 għandu japplika mit-8 ta’ Novembru 2024;

(b)

l-Artikolu 4(1) u (2), l-Artikolu 6(3), u l-Artikoli 7 sa 13 u 28 għandhom japplikaw mit-8 ta’ Frar 2025;

(c)

l-Artikoli 14 sa 17 għandhom japplikaw mit-8 ta’ Mejju 2025;

(d)

l-Artikolu 20 għandu japplika mit-8 ta’ Mejju 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

B. DALLE


(1)   ĠU C 100, 16.3.2023, p. 111.

(2)   ĠU C 188, 30.5.2023, p. 79.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 2024.

(4)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(5)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-380/03, ECLI:EU:C:2006:772, il-paragrafi 53 u 54.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(8)  Centro Europa 7 S.R.L. u Di Stefano vs L-Italja [GC], nru 38433/09, § 134, il-QEDB 2012.

(9)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(10)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ġunju 2008, Sociedade Independente de Comunicação, SA vs il-Kummissjoni, T-442/03, ECLI:EU:T:2008:228, il-paragrafu 211.

(11)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tirrevoka d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1634 tas-16 ta’ Settembru 2022 dwar salvagwardji interni għall-indipendenza editorjali u t-trasparenza tas-sjieda fis-settur tal-midja (ĠU L 245, 22.9.2022, p. 56).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).

(14)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).

(17)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2020, Vivendi SA vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni, C-719/18, ECLI:EU:C:2020:627.

(18)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

(20)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(22)   ĠU C 487, 22.12.2022, p. 9.

(23)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku (ĠU L, 2024/900, 20.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/900/oj).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u li jħassar id-Direttiva Nru 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(26)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1083/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)